Stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista tgħid li l-fatt li l-Fondazzjoni għall-iskejjel t’Għada (FTS), fl-2013, tħalliet b’€80 miljun f’dejn huwa l-wirt tal-Viċi Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Simon Busuttil, li ħalla lill-pajjiż fil-qagħda li ħalla.
Il-PL qal li l-ironija hija li l-midja tal-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil qed jiddeskrivu xogħol li sar il-Ħandaq bħala “illegali” meta dan sar propju meta Simon Busuttil kien responsabbli tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
L-istqarrija tgħid li minkejja l-ħafna daqq ta’ trombi tal-Partit Nazzjonalista, l-iskejjel kollha li bena l-Partit Nazzjonalista ma kellhomx ċenteżmu mħallas u sar kollox fuq il-credit card, bil-kontijiet u l-imgħax eżorbitanti tagħhom issa jridu jiġu ffaċjati minn din l-aministrazzjoni. Dan huwa każ xokkanti ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jtella’ d-dejn u jiġi jaqa’ u jqum x’jiġri mill-kontijiet.
“Dan mhux l-uniku każ fis-settur edukattiv li fl-2013 kien mgħobbi bi problemi finanzjarji. F’Marzu 2013, l-Università ta’ Malta qas biss kellha bizzejjed flus biex tħallas il-pagi sal-aħħar tax-xahar,” qal il-PL
Il-Partit Laburista qal li l-Uffiċċju tal-Awditur kemm il-darba rrimarka n-nuqqasijiet tal-FTS taħt il-Gvernijiet preċedenti. Dan il-każ huwa wieħed minn ħafna li juri n-nuqqas ta’ serjetà fl-operat ta’ istituzzjonijiet pubbliċi taħt Gvern Nazzjonalista – nuqqasijiet serji fl-operat li jmorru lura għal 2005.
Kompla billi staqsa “Jgħidilna Simon Busuttil għalfejn ħallew id-dejn ta’ €80miljun bla ma biss irranġaw kif ser iħallsuh Jgħidilna Simon Busuttil għalfejn ħallew kontijiet mhux imħallsa li jitilgħu l-miljuni għal xogħol li ordnaw fi żmienhom stess?Lill-kuntratturi li ma tħallsux ta’ xogħol li ordnawlhom kien se jgħidilhom ‘għalfejn ħdimtu?’ kif kien qal meta ħeba l-korruzzjoni f’Għawdex? U l-pagi tal-haddiema tax-xogħol li ġie ordnat min kien ser iħallashom?”
Il-PL temm jgħid li l-Ministru Evarist Bartolo, mal-ġurnalisti mhux partiġġjani u b’aġenda diżonesta, għandu relazzjoni tajba magħhom, b’differenza ta’ Simon Busuttil li jaqleb il-mobile rasu ‘l isfel, jgħid ‘hello’ waħdu u jaħrab jiġri meta jara nofs mistoqsija ġejja.