Tmenin dipartiment tal-Gvern li joffru servizz ta’ customer care, issa għandhom aċċess għal WIFI. Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti ewlieni Mario Cutajar u l-Ministru għall-industrija diġitali Manwel Mallia fil-Ministeru tal-Edukazzjoni li huwa wieħed mid-dipartimenti li għandu servizz tal-WIFI.
Servizz li jfisser li anke klijenti li jkunu qed jistennew biex ikelmu rappreżentant tal-customer care jkollhom aċċess għall-internet. Cutajar qal li dan jikkumplimenta ħidmet il-Gvern u l-investiment li qed isir fit-teknoloġija biex is-servizz pubbliku jkun aċċessibli erbgħa u għoxrin siegħa fil-ġimgħa.
Il-Ministru Mallia rrimarka li f’pajjiżna hawn 300 hot-spot tal-WIFI, li jfisser li pajjiżna huwa quddiem nett fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.