Francine Cini, omm Għawdxija spiċċat weħlet 8 xhur ħabs wara li l-qorti sabitha ħatja ta’ rapport falz. Cini li għandha 32 sena miż-Żebbuġ Għawdex irrapurtat lit-tfajla tal-ex sieħeb tagħha Angelica Borst li sawtet lil uliedha u ġiegħeltihom jigdbu mal-pulizija.
Il-missier Domenic Zammit fil-qorti xehed li din ma kinitx l-ewwel darba li saru rapporti simili fil-konfront tiegħu u tat-tfajla, fejn saħansitra fl-2016 Cini kienet allegat b’mod falz li l-ex sieħeb tagħha kien jieħu l-kokaina. Dakinhar il-Prim Imħallef Silvio Camilleri biddel piena ta’ ħabs effettiva għal waħda ta’ natura pekunjarja.
Wara eżaminazzjoni mit-tabib, inħareġ ċertifikat li ma kien hemm ebda sinjali ta’ vjolenza fuq it-tfal.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li l-mara ma tistax tistenna li l-qorti tħalli dan il-każ għaddej qisu ma ġara xejn sempliċiment minħabba natura ta’ pika mal-ex sieħeb tagħha.
B’hekk, il-Qorti kkundannata 8 xhur ħabs effettiva u orndat divjet fuq l-ismijiet tat-tfal.