Tmien residenti li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, flimkien ma’ żewġ uffiċjali, qed jaħmu aktar minn elf qagħqa tal-Appostli kuljum, flimkien ma’ ħelu ieħor relatat mal-perjodu tar-Randan u l-festa tal-Għid il-Kbir, bħal figolli u pasti ħomor.
Kull kwarta, quddiem il-kjosk li ntrama’ apposta quddiem il-Faċilità Korrettiva, jasal vann li jagħmel ġurnata ġej u sejjer b’erba’ tilari ta’ ħamsa u għoxrin qagħqa ’l wieħed ma’ kull vjaġġ.
Dawn ikunu friski malli joħorġu mill-forn, li huwa fost l-aktar antiki fl-Ewropa, wara li jkunu għamlu għoxrin minuta jinħmew.
Tkellimna mal-uffiċjal korrettiv u furnar, Ronald Grech li qalilna kif minn sena għall-oħra, il-priġunieri juru entużjażmu biex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva.
Qal, “Jagħmluhom minn qalbhom u minn sena għal oħra, ikunu mixtiqin għaliha.”
Ir-residenti li jaħmuhom huma kburin ħafna b’xogħolhom.
Mhux biss qed ikollhom skop waqt li jiskontaw is-sentenza tagħhom, imma wħud minnhom qed jiżviluppaw ħiliet li jistgħu jużaw meta joħorġu lura fil-komunità.
Stqarret, “Ngħallmuhom kif jagħmlu l-ħobż u kif joħorġu barra, ikunu jistgħu jmorru jaħdmu ġo xi forn.”
In-nies li kienu qed jixtru qalulna li l-prodott huwa tajjeb ħafna, u fl-istess ħin ikunu qed jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà, hekk kif il-fondi miġbura jmorru għal għan nobbli.
Qal, “Kull sena niġi. Il-prodotti huma vera ġenwini, ngħidlek value for money ukoll, u ta’ kwalità. Il-Ħadd li għadda ġejna, illum ġejt u ħa nibqa’ niġi, għax il-ħobż tajjeb imma għandhom prodotti oħra tajbin, speċjalment il-pudina.”
Din is-sena, anki l-priġunieri nisa xtaqu jieħdu sehem f’din l-inizjattiva, u fil-fatt, ħietu softoys li wkoll qed jinbiegħu minn din il-gabbana.
Il-Cadet Celaine Agius qaltilna li l-atmosfera hija sabiħa mmens meta tikkunsidra li n-nies qed jixtru prodott li jafu li huwa magħmul minn persuni li qed jiskontaw sentenza l-ħabs.
Qalet, “Busy ħafna, in-nies ġejjin u sejrin, l-enerġija tagħhom hija pożittiva mmens. Isaqsuk, x’għandek illum, x’għandek, għandek żeppoli, hija xi ħaġa li tferraħni, għax fl-aħħar mill-aħħar in-nies li qegħdin hawnhekk, jagħmlu prodott frisk, tajjeb ħafna u qed inservuh lis-soċjetà.”
F’festa pubblika, żar lill-ħaddiema f’dan il-kjosk, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri.
Fuq barra tal-faċilità, qalilna s-sinifikat ta’ inizjattivi bħal dawn.
Stqarr, “L-isbaħ ħaġa f’din l-inizjattiva hija, anki kif bdejt nitkellem magħhom dalgħodu, li kellek persuni li daħlu l-ħabs, tgħallmu s-sengħa tal-forn, u llum meta ħarġu lura fis-soċjetà aktar riformati, għandek persuni li qed isibu impjieg ma’ furnara stess allura bdew anki karriera ġdida fil-ħajja tagħhom.”
Il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti se jibqa’ għaddej matul it-tmiem il-ġimgħa li ġej, jiġifieri bejn l-erbgħa u għoxrin u s-sitta u għoxrin ta’ Marzu.
Imbagħad, bejn il-wieħed u tletin ta’ Marzu u d-disgħa ta’ April, jiġifieri mid-Duluri sal-Għid il-Kbir, il-kjosk se jiftaħ kuljum mit-tmienja ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ waranofsinhar.