Lejlet summit importanti dwar l-immigrazzjoni, tmien stati membri tal-Unjoni Ewropea ingħaqdu flimkien biex jevitaw dik li setgħet kienet traġedja umanitarja oħra fil-baħar Mediterran.
Malta, il-Belġju, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussumburgu, l-Olanda u l-Portugall se jaċċettaw bejniethom aktar minn mitejn u tletin immigrant abbord il-bastiment MV Lifeline – li ilu għal dawn l-aħħar jiem jitlajja’ fl-ibħra internazzjonali.
Kienu l-isforzi tal-Prim Ministru Joseph Muscat li b’impenn umanitarju iżda bla preġudizzju għall-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-liġijiet internazzjonali li wassal għal soluzzjoni ad hoc dwar il-vapur liflien.
F’konferenza f’Kastilja fil-preżenza ta’ ġurnalisti lokali u internazzjonali, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li immigranti se jitqassmu b’mod immedjat ladarba jsiru l-verifiki neċessarji. Fl-istess waqt ħabbar li l-bastiment se jiġi kkonfiskat biex issir investigazzjoni dwar l-azzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar jiem mill-kaptan tal-istess bastiment.
Il-Prim Ministru spjega li l-immigranti li ġenwinament qed ifittxu l-ażil se jingħataw il-protezzjoni meħtieġa, filwaqt li dawk li ma jikkwalifikawx għal tali protezzjoni se jgħaddu minn proċeduri mmedjati b’għajnuna tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jintbagħtu lura pajjiżhom.
Fakkar li l-kwistjoni hija riżultat ta’ deċiżjoni tal-kaptan tal-bastiment li ddeċieda li jmur kontra r-regoli internazzjonali u injora l-istruzzjonijiet li ngħata mill-awtoritajiet Taljani.
Il-Prim Ministru fakkar li Malta m’għandha l-ebda obbligazzjoni legali jew responsabbiltà f’din il-kwistjoni, iżda l-Gvern Malti ħass il-bżonn li jiskatta operazzjoni biex tinstab soluzzjoni; u filwaqt li żamm f’moħħu d-dinjità umana, ħares ukoll l-interess u s-sigurtà nazzjonali.
Il-Prim Ministru qal li għadu kmieni wisq biex jingħad kemm il-immigrant se jkun qed jieħu kull pajjiż, iżda saħaq li kull stat membru se jieħu skont kemm jiflaħ id-daqs tiegħu.
Tul il-konferenza spikka l-appoġġ ta’ aktar pajjiżi għa din l-inizjattiva.
Kienu biss minuti qabel ma l-Belġju wkoll ikkonfermaw is-sehem tagħhom f’dal-proċess.
L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati laqgħet bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Gvern Malti.
Il-UNHCR laqgħet ukoll id-deċiżjoni tal-Istati Membri l-oħra Ewropej li wrew solidarjetà biex din il-kwistjoni tissolva kemm jista’ jkun malajr.
On eve of important #EUCO on #MigrationEU 8 #EU Member States (Malta,Belgium,France,Ireland,Italy, Luxembourg,Netherlands & Portugal) team up to avoid humanitarian crisis on MV #Lifeline. A common approach is possible but everyone,including organisations,needs to follow rules -JM pic.twitter.com/fknxU8ICb0
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) June 27, 2018