Fl-aħħar sigħat feġġew 8 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna minn fost 1,072 test. Biex b’hekk s’issa f’Malta kellna total ta’ 458 każ ta’ Coronavirus.
Fiequ wkoll 17-il-persuna biex b’hekk in-numru ta’ każijiet attivi jammonta għal 151. B’kollox f’pajjiżna sa issa fiequ 303 persuni.
Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci hekk kif spjegat li sa issa f’Malta saru ‘l fuq minn 30,000 test għall-virus.
Il-Professur Gauci elenkat id-dettalji dwar il-każijiet pożittivi li feġġew fl-aħħar 24 siegħa.
L-ewwel każ kien ta’ Ingliż ta’ 52 sena li jgħix Malta. Fl-20 ta’ April kellu sintomi ta’ deni, sogħla u uġigħ ta’ ras. Bħalissa qed isir intraċċar tal-kuntatti mal-familja ta’ dan ir-raġel u mal-kollegi tiegħu fuq il-post tax-xogħol.
It-tieni każ huwa ta’ Maltija ta’ 29 sena li hija ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Hija bdiet bis sintomi fis-6 ta’ April u ma kelliex kuntatt ma’ pazjenti u l-kollegi tagħha. Qed isir biss intraċċar tal-kuntatti ma’ familtha.
It-tielet każ huwa ta’ Maltija oħra ta’ 32 sena li fis-6 ta’ April bdiet bis-sintomi ta’ uġigħ fil-griżmejn. Din il-mara damet ma ssottomettiet ruħha għat-test hekk kif tbati minn allerġiji differenti u ħasbet li s-sintomi huma relatati magħhom.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “L-appell tagħna huwa dejjem u hekk għamlet il-mara li meta inti jkollok sintomi fejn taraw li huma differenti mill-allerġija tas-soltu jew tara li żdidulek is-sinotmi importanti li tkellmuna u ċċemplu fuq l-111 ħalli aħna nkunu nistgħu nagħmlulkhom it-test u propju hekk meta joħroġ riżultat pożittiv aħna nkunu nistgħu naraw il-każ x’ikun.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat ukoll kif il-ħames każijiet l-oħra feġġew miċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far fejn ir-residenti kollha qed jinżammu kwarantina. Hija spjegat kif hemmhekk dejjem qed ikomplu jsiru aktar testijiet.
Fil-fatt fil-jum tat-Tnejn saru 146 test ieħor. Dawn kienu kollha rġiel u jikkonċernaw 3 rġiel Somali ta’ 19-il sena, 23 sena u 20 sena rispettivament, Sudaniż ta’ 31 sena u Niġerjan ta’ 20 sena.
Il-Professur Charmaine Gauci kompliet tgħid: “Sa issa għamilna 505 tests hemmhekk fuq dawn il-persuni u minn dawn it-total issa li għandna pożittivi huwa ta’ 48.”