Fl-aħħar sigħat, feġġew tmien każijiet ġodda ta’ coronavirus f’pajjiżna minn fost elf u wieħed u erbgħin test, biex in-numru ta’ persuni nfettati f’Malta tela’ għal tliet mija u tmienja u sebgħin.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet iżda li tul il-jum tal-Ħadd 28 persuna kienu kkonfermati li fiequ kompletament minn dan il-virus u li wara li jtemmu l-jiem li fadlilhom fi kwarantina, jistgħu jirritornaw fil-komunità.
“Minn dawn kollha llum issa għandna 44 persuna li kellhom dan il-virus pożittiv pero meta aħna segwejnihom u bqajna nagħmlulhom it-testijiet, ħarġu negattivi allura issa jistgħu jiġu declared bħala recovered.”
Fost il-każijiet ġodda, il-Professur Gauci spjegat li tnejn mil-każijiet huma ta’ immigranti rġiel ta’ 21 u 25 sena rispettivament u li jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.
Iż-żewġ immigranti ma wrew l-ebda sintomi iżda nqabdu bil-virus f’testijiet li qegħdin isiru b’kollaborazzjoni ma’ membri mill-assoċjazzjoni tas-salib l-aħmar u d-dipartiment tal-kura primarja.
“Qegħdin nagħmlu aħna dawn ir-random tests biex nistħgu naraw x’inhi s-sitwazzjoni imma anka bħala containment, li qegħdin nagħmlu nidentifikaw dawk in-nies li huma pożittivi u tiżola lil dawn il-persuni.”
B’hekk inti tkun qiegħed qed tnaqqas il-firxa ta’ din il-virus f’din is-sitwazzjoni.
Qalet li l-kundizzjoni medika tal-immigranti qed tkun segwita ġurnata b’ġurnata.
Fost is-sitt każijiet l-oħra hemm anzjan ta’ 61 sena li rritorna mir-Renju Unit fid-9 ta’ April. Il-Professur qalet li li s-sintomi ħarġu meta kien għadu l-Ingilterra u ppersistew meta rritorna Malta. Sar ukoll test fuq il-mara tiegħu li iżda rriżulta fin-negattiv. Qalet ukoll li għaddejjin bil-contact tracing tal-persuni li kienu fuq l-istess titjira.
Mara ta’ 58 sena ukoll irriżultat pożittiva għall-Covid-19. Hija kienet taħdem ma’ familja, bl-awtoritajiet tas-saħħa għaddejjin bil-contact tracing tal-familja li taħdem magħhom u tal-familja tagħha.
Instabu pożittivi wkoll raġel ta’ 37 sena u mara ta’ 50 sena li t-tnejn ma kienux jaħdmu.
Anzjan ieħor ta’ 73 sena ukoll irriżulta pożittiv għall-coronavirus iżda l-Professur Gauci qalet li l-każ huwa ristrett.
F’Għawdex, anzjan ta’ 74 sena ukoll ittestja pożittiv għall-virus, bl-iswab tal-mara tiegħu jirriżulta fin-negattiv.
Intant, il-Professur Gauci tenniet l-appell biex kulħadd jibqa’ f’daru u ma joħroġx għalxejn.
Spjegat li l-ħaddiema kollha tas-saħħa fid-diversi taqsimiet, jum l-Għid qattgħuh xogħol sabiex jikkuraw lil dawk kollha li qegħdin iġorru l-virus għalihom.
“Għinuna sabiex inkunu nistgħu ngħinu lilkom u nkunu nistgħu nikkontrollaw din il-marda.”