F’pajjiżna bħalissa qed jinġibed il-feature film Amerikan ‘Not Without Hope’. Xejn inqas minn 78 membru tal-crew tiegħu huma Maltin.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, waqt ġbid ta’ xena tal-film li kienet qed issir fil-MaritimeMT, f’Birżebbuġa.
Il-film qed jinħadem kollu kemm hu f’Malta, u fost l-atturi prinċipali u ta’ fama mondjali hemm Zachary Levi, Jessica Blackmore, James Martin Kelly, u Leeshon Alexander.
Il-film ‘Not Without Hope’, li huwa bbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem, jitkellem dwar storja ta’ grupp ta’ ħbieb li nqabdu bejn sema u ilma waqt li kienu qed jistadu ’l barra mill-kosta tal-Messiku.
F’kummenti ma’ ONE News, wara li anke tkellem mal-attur Amerikan Josh Duhamel, Johann Grech qasam magħna s-sentiment pożittiv ferm li qed ikun hemm fost il-producers, diretturi, u atturi barranin fuq Malta.
“Tieħu pjaċir meta żżur minn sett għall-ieħor u tiltaqa’ ma’ producers, diretturi u atturi barranin u jitkellmu b’mod pożittiv fuq Malta. Tagħtik aktar kuraġġ, għax il-messaġġ tagħhom huwa wieħed ċar għalina u jgħidulek, ‘Aħna se neħilsu dan u se nerġgħu niġu’, u dak li rridu.”
Il-Kummissarju tal-Film għamel aċċenn ukoll għall-importanza tal-edukazzjoni fil-qasam tal-films, li kulma jmur qed jikber bis-saħħa u jħalli pataflun ta’ opportunitajiet lill-Maltin u Għawdxin.
“L-impenn tagħna huwa wieħed: li nenfasizzaw ħafna fuq l-edukazzjoni ta’ wliedna għax irriduhom ikollhom karriera fil-films. B’dak li qed nibnu llum, qed naħdmu għal għada u rridu li wliedna jkollhom futur aħjar f’din l-industrija tal-films, li tant hija għal qalbna u li qed igawdi minnha kulħadd.”
Johann Grech innota wkoll kif il-Maltin se jkunu nvoluti wkoll fil-ħidma li jkun hemm wara l-produzzjoni.
Ta’ min ifakkar li s-sena l-oħra kienet rekord għad-dinja tal-films fil-gżejjer Maltin, hekk kif iddaħħlu ’l fuq minn €85 miljun fl-ekonomija minn 24 produzzjoni li saru.