F’ħames snin irdoppjaw l-ajruplani rreġistrati Malta. Tagħrif li ngħata lill-gazzetta KULLĦADD minn Transport Malta juri li filwaqt li fl-2012 din l-entità kellha rreġistrati magħha 128 ajruplan, din is-sena għandha 263. Jidher b’mod ċar li pajjiżna kompla jsaħħaħ postu bħala ġurisdizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani tul l-aħħar snin bl-2015 kienet l-iktar sena li rat reġistrazzjoni ta’ ajruplani ġodda b’61 ajruplan. Is-sena li għaddiet kienu reġistrati 52 ajruplan ġdid u din is-sena diġà kienu rreġistrati 32.
L-ajruplani rreġistrati ma’ Transport Malta jvarjaw minn dawk b’magna waħda għal Airbus A340. Saħansitra Transport Malta għandha reġistrat magħha Sukhoi Superjet 100, fejn kienet din l-entità l-ewwel li rreġistrat ajruplan ta’ dan it-tip fl-Unjoni Ewropea.
Fost dawk li għandhom ajruplan reġistrat Malta hemm ACDC u Guns & Roses. Filwaqt li l-U2 wkoll qed iduru t-tour ta’ bħalissa fuq ajruplan irreġistrat f’pajjiżna.
Kelliem għal Transport Malta qal li s-sidien tal-ajruplani jagħżlu lil Malta minħabba l-istil dinamiku tar-regolatur li joffri stil differenti minn dak ta’ ġurisdizzjonijiet oħra. Il-liġijiet ta’ Malta huma wkoll b’saħħithom u Malta hija firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town li toffri livelli ta’ sigurtà u serħan il-moħħ.
Minbarra hekk matul l-aħħar snin kienu implimentati diversi inizjattivi biex ikun ristrutturat id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta. Dawn jinkludu taħriġ estensiv lil numru ta’ impjegati, kif ukoll reklutaġġ estensiv li wassal sabiex in-numru ta’ spetturi speċjalizzati fil-qasam tal-avjazzjoni kien ikkonsolidat. Ilum, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili għandu l-kompetenza neċessarja sabiex jiżgura l-ogħla livell ta’ standards fil-qasam tas-sigurtà u servizz mitlub f’din l-industrija. Pajjiżna joffri wkoll inċentiv fiskali li jinkludu rati ta’ taxxi vantaġġjużi u għotjiet lura fuq il-profitt.
Dawn l-isforzi spiċċaw rikonoxxuti minn operaturi ewlenija internazzjonali li qegħdin dejjem jikkunsidraw lil Malta bħala bażi għall-investiment tagħhom.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg faħħar lill-awtorità ewlenija tat-trasport f’pajjiżna, Transport Malta, tax-xogħol li qed tagħmel. Huwa qal li jinsab sodisfatt li, kulma jmur, pajjiżna dejjem qed jiġbed lejh aktar investiment u aktar barranin u li permezz ta’ dan, dejjem qiegħda tissaħħaħ l-ekonomija. “Jiena nemmen li għandna nkomplu ninċentivaw dawn it-tipi ta’ reġistrazzjonijiet u nħossni ottimist li n-numri se jkomplu jiżdiedu fiż-żmien li ġej. Jien impenjat li naħdem bis-sħiħ favur investiment u ekonomija dejjem aħjar biex pajjiżna jkollu dak li jistħoqqlu,” qal Borg.