Tmienja u sebgħin sena ilu bħal-lum, pajjiżna ntlaqat minn waħda mill-agħar traġedji tal-ajru. Dan wara li kien iġġarraf ajruplan tat-tip Wellington li ħalla ħerba sħiħa fi Triq San Publiju, fir-Rabat.
Mill-inkjesta maġisterjali, li tinsab fl-Arkivji Nazzjonali, joħroġ li sal-ħdax neqsin għaxra ta’ filgħodu, l-ajruplan kien għadu fil-mitjar ta’ Ħal Far fejn ġie ddikjarat li kien tajjeb biex itir.
Ftit wara, il-Wellington Bomber flimkien ma’ Spitfire ħadu sehem f’eżerċizzju ta’ attakk finta. Madankollu, waqt prova minnhom, il-Wellington baqa’ nieżel.
Fid-diżgrazzja mietu aktar minn 20 persuna, fosthom erba’ membri tal-ekwipaġġ, filwaqt li sittax-il Malti ieħor. L-iżgħar fost il-vittmi kienet tarbija ta’ tliet xhur. Tmintax-il dar ġarrbu ħsarat strutturali u 72 familja spiċċaw bla saqaf fuq rashom.
It-traġedja setgħet kienet akbar, għax fit-tiġrif l-ajruplan evita bi żbrixx l-iskola primarja tal-lokal.
RITRATTI – TVM / TALK.MT