Inġabru ’l fuq minn ħdax-il elf u ħames mitt ewro li permezz tagħhom se jinxtara apparat edukattiv lil tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu li għandhom bżonnijiet edukattivi partikolari u li ma jkunux jistgħu jikkomunikaw bit-taħdit.
Dan fi tmiem il-ħames edizzjon tal-Qaritona Nazzjonali, li fiha ħadu sehem seba mija u sebgħin student minn ħmistax-il skola primarja u medja tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja.
F’ċelebrazzjoni fl-għeluq tal-Qaritona Nazzjonali, li ġiet organizzata fi Spazju Kreattiv, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt, ġew ippremjati r-rebbieħa tal-Qaritona, li huma dawk l-istudenti li ġabru l-iżjed flus fl-iskola tagħhom.
Iċ-ċelebrazzjoni ġiet ippreseduta mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, Marie-Louise Coleiro Preca bħala l-President ta’ The Malta Trust Foundation, fil-preżenza tal-ġenituri tal-istudenti rebbieħa u kif ukoll rappreżentanti tal-iskejjel li ħadu sehem f’din l-inizjattiva.
L-Iskola Primarja Sacred Heart u l-Iskola Primarja Chiswick House School li ġabru l-iktar fondi fost l-iskejjel li pparteċipaw rispettivament, ingħataw tifkira speċjali mingħand il-Malta Trust Foundation, kif ukoll għotja ta’ kotba u riżorsi mingħand l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Ġew ippremjati wkoll l-aħwa Aurora Bellizzi u Dejjeen Bellizzi mill-iskola primarja tal-Marsa talli rnexxielhom jiġbru l-iktar fondi fost l-istudenti kollha.
Il-President ta’ The Malta Turst Foundation spjegat li permezz ta’ din l-edizzjoni t-tfal tgħallmu iħobbu l-qari u skoprew dinja ġdida permezz tal-kotba.
“Inħeġġu lit-tfal jaqraw, iħobbu l-ktieb, imma naħsbu wkoll fi tfal oħra bħalhom biex inkunu nistgħu ngħinuhom jipprovdu dak it-tagħmir speċjalizzat, ħalli huma wkoll ikomplu jimxu ’l quddiem”.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima spjega li dan l-avveniment għandu sinifikat importanti ħafna hekk kif irawwem mhux biss l-imħabba għall-qari fit-tfal, imma wkoll li nrawmu l-imħabba li naħsbu f’ħaddieħor.
“Permezz tal-qari, inqajmu kuxjenza, u naraw ukoll li minbarra t-tagħlim li huw marbut b’ mod intrinsiku mal-qari, ikollok anke ġbir ta’ fondi għal kawża ġusta.”