Studju fost in-negozji mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji juri sfidi differenti għan-negozji f’pandemija iżda anki punti inkorraġanti.
Fil-fatt l-iskema tal-għajnuna fil-ħlas tal-pagi, magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement, għenet bosta negozji u minn dan l-istudju nstab li ħamsa u sittin fil-mija, ftit inqas mid-doppju ta’ dawk li qalu le, wieġbu li din l-iskema kienet ta’ għajnuna kbira.
Bis-saħħa ta’ skema bħal din, tnejn u tletin fil-mija jemmnu li n-negozju tagħhom jista’ jibqa’ għaddej għal aktar minn sena filwaqt li dawk li jemmnu li n-negozju tagħhom ħa jibqa’ jopera għal biss tliet xhur kienu tlettax fil-mija.
Is-sena l-oħra kien hemm ukoll żieda ta’ ħmistax fil-mija fil-bejgħ ta’ affarjiet essenzjali fejn bosta negozji għażlu li jmexxu l-operat tagħhom għal wieħed online.
Meta n-negozji rispettivi ġew mistoqsija jekk kinux sforzati jagħlqu l-bibien, tmienja u erbgħin fil-mija rrispondew fin-negattiv, erba fil-mija iżjed minn dawk li rrispondew fil-pożittiv.
Minn dan l-istudju nstab wkoll li disgħa u sittin fil-mija tan-negozji jixtiequ li jibqgħu jirċievu għajnuna finanzjarja għal iżjed minn sena oħra filwaqt li ħamsa u għoxrin fil-mija qalu li jixtiequ jirċievu din l-għajnuna għal sitt xhur oħra.
Sebgħa u sebgħin fil-mija qalu li ma kellhomx bżonn jagħmlu użu mill-moratorju tal-Banek.
Matul ix-xhur tal-festi jidher li fi Black Friday kif ukoll f’lejliet l-ewwel tas-sena, kien hemm iżjed bejgħ mis-sena ta’ qabel.