Kien fil-15 t’Awwissu 1942 li ntlemaħ il-bastiment SS Ohio dieħel irmunkat fil-Port. L-aħħar bastiment minn total ta’ ħamsa li l-wasla tagħhom għenet ttaffi l-għaks li minnu kien qed jinħakem il-poplu Malti tul it-tieni Gwerra Dinija.
Ħafna jirreferu għal din il-ġrajja bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija, wara li ħafna Maltin qattgħu jiem sħaħ ta’ talb lilha sabiex issalvahom mill-ġuħ f’dan il-mument tant diffiċli ta’ gwerra.
Il-wasla ta dawn il-bastimenti kienu parti minn operazzjoni bl-isem ‘Operation Pedestal’ u kienet se sservi tajjeb għall-alleati ta’ Malta sabiex iżommu l-gżira Maltija bħala bażi navali importanti f’nofs il-Mediterran.
Il-ħames bastimenti li ffurmaw parti minn ‘Operation Pedestal’ għenu jipprovdu lil Malta u l-Maltin bir-riżorsi u provvisti kollha meħtieġa hekk kif tul il-Gwerra dawn kienu naqsu drastikament.
Madankollu l-operazzjoni kienet kważi falliet hekk kif il-konvoj li kien dieħel mill-istrett ta’ Ġibiltà, sab ruħu wiċċ imb wiċċ ma’ opri tal-ajru u l-baħar mibgħuta mill-għadu. B’riżultat ta’ dan, minn 78 bastiment waslu biss ħamsa f’pajjiżna.
Dawn il-bastimenti kollha kienu meħtieġa għall-operazzjoni għaliex 14 minnhom kienu qed iġorru merkanzija filwaqt li l-bqija kienu qed iservu bħala skorta biex ikun żgurat li l-merkanzija tasal sa Malta billi jipproteġu lill-konvoj minn attakki tal-għadu.
Li kieku ma kienx hekk, kemm il-poplu Malti kif ukoll l-Alleati kienu jħallsu prezz qares għaliex il-pajjiż kien ikollu jċedi l-armi tiegħu. Kieku ġara hekk, l-għadu kien ikollu post strateġiku tajjeb minn fejn ikun jista’ jikkontrolla l-Ewropa t’isfel u l-Afrika ta’ fuq.
Fost il-ħames bastimenti li daħlu Malta, l-SS Ohio baqa’ mfakkar għaliex kien qed iġorr l-iktar ħaġa bżonjuża fi żmien tal-gwerra: iż-żejt.
F’din il-ġrajja partikolari jispikkaw il-perseveranza u r-reżistenza tal-poplu Malti. Fost affarijiet oħra, dan wassal biex fl-istess sena ngħata il-George Cross li llum nsibuh iperper fuq il-bandiera Maltija, għall-qlubija li wrew il-Maltin waqt dan il-perjodu waħxi fl-istorja ta’ Malta.