Il-Ħadd 19 ta’ Novembru 1944. Data li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja tal-Bormliżi u l-Maltin, hekk kif dakinhar kien sar pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Marija Immakulata minn Birkirkara għal Bormla.
Dak iż-żmien Malta kienet imfarrka bil-bombi mitfugħa mit-Taljani u l-Ġermaniżi, matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Bl-istatwa tal-Kunċizzjoni u l-kwadru titulari kienu ttieħdu ġewwa l-Bażilika ta’ Sant Elena f’Birkirkara, hekk kif iż-żona tal-Port tal-Kbir kienet l-aktar milquta mill-gwerra.
Fl-1944, hekk kif il-gwerra kienet għaddiet minn fuq Malta, il-Bormliżi kienu ddeċidew li jagħmlu pellegrinaġġ bl-istatwa, hekk kif il-Knisja ta’ Bormla ma ggarfitx, bħal knejjes oħra fiż-żona.
Mijiet ta’ eluf ta’ Maltin, 77 sena ilu, kienu nġabru f’pellegrinaġġ bil-mixi bejn Birkirkara u Bormla, waqt li l-istatwa devota ta’ Marija Immakulata għaddiet minn toroq bi djar imġarrfa.
Dan jixduh ir-ritratti ta’ dakinhar, hekk kif fi Strada Rjali l-Ħamrun it-triq kienet ippakkjata bin-nies sabiex iwasslu lil omm il-Bormliżi f’darha.
Wara dakinhar il-Bormliżi kienu żammew il-wegħda li kull 25 sena dan il-pellegrinaġġ jibqa’ jsir, tant li l-aħħar pellegrinaġġ kien sar fl-2019, f’għeluq il-75 sena minn din il-ġrajja.