Għall-ewwel darba l-aġenzija ‘Identity Malta’ ppubblikat ir-rapport annwali tagħha li jitfa’ dawl fuq il-ħidma ta’ din l-aġenzija għas-sena 2020. Fit-tnedija ta’ dan ir-rapport, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Anton Sevasta spjega kif dan ir-rapport juri kif din l-aġenzija, anke minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja, għamlet qabżiet kbar diġitali fl-għoti tas-servizz pubbliku.
Qal, “L-iktar ħaġa importanti huwa l-mod kif konna reżiljenti biex għal ħafna mill-affarijiet morna online. Qed inkunu, inmorru iktar fuq pjattaformi diġitali u naħseb li dik hija xi ħaġa li rridu naraw il-quddiem li ovjament inpoġġu iżjed servizzi fuq din l-isfera.”
Fil-fatt, ir-rapport juri kif tul is-sena li għaddiet it-Taqsima tal-Karta tal-Identità rreġistrat 76,753 talba għall-attivazzjoni tal-kont tal-eID. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 31,000 talba meta kkumparat mat-42,649 talba li kien hemm fl-2019.
Mir-rapport joħroġ ukoll kif kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-applikazzjonijiet għal tiġdid jew passaporti ġodda tant li minn 51,210 passaport li nħarġu fl-2019 niżlu għal 18,834 fl-2020.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat tenna kif huwa importanti li ta’ kull sena jibda jkun ippubblikat dan ir-rapport annwali sabiex il-pubbliku jkun mgħarraf bix-xogħol siewi li qed jagħmlu t-316-il ħaddiem tal-Aġenzija.
Qal kif din il-publikazzjoni li saret għall-ewwel darba marret tajjeb ħafna mat-tfassil ta’ strateġija ġdida li ser tkun imnedija fil-ġimgħat li ġejjin u li ser tkopri t-tliet snin li ġejjin.
Spjega, “Għalhekk l-importanza li jkollna strateġija b’saħħitha illi minn banda jkollok aġenzija li tinvesti fil-proċessi tagħha, fis-servizzi kollha tagħha u min-naħa l-oħra jkollok il-klijent li jingħata l-aqwa servizz possibli.”