Se jkun qed jibda llum x-xogħol infrastrutturali fuq il-grawnd tal-futbol ġdid f’Wied il-Għajn.
Fl-aħħar xhur kienu għaddejjin it-tħejjijiet biex fl-aħħar din il-komunità li qed tikber u li għadha żagħżugħa jkollha l-faċilitajiet li ħafna rħula oħra għandhom. Fost oħrajn mhux biss saru l-pjanti iżda ħarġu wkoll is-sejħiet għall-offerti u nkisbu l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-ħidma fuq is-sit b’mod estensiv se tirranka fil-jiem li ġejjin.
Dan wara li qabel il-festi ta’ Santa Marija saru proċeduri ta’ tħejjijiet fuq is-sit li jinsab biswit il-park tal-familja. L-investiment fuq il-grawnd jiswa €1,500,000. Oriġinarjament dan il-proġett kien maħsub għal fuq is-sit tal-Università Amerikana ta’ Malta fiż-Żonqor, iżda meta l-proġett kien ridimensjonat bil-għan li tonqos iż-żona ODZ, inbidel is-sit.
It-tim tal-futbol ta’ Marsascala ilu mwaqqaf madwar seba’ snin u anke jekk għandu nursery li fiha jipparteċipaw għexieren tat-tfal, il-klabb qatt ma kellu faċilitajiet tiegħu.