B’kollox saru 150 sessjoni tal-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC f’14 -il ċentru differenti madwar Malta fejn ipparteċipaw 7,668 student.
Dan ħabbruh il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mad-Direttur fi ħdan il-MATSEC Dario Pirotta u d-deputat Direttur tad-dipartiment tal-Eżamijiet Michael Deguara waqt żjara fiċ-ċentru li fih kienet għadha kemm intemmet is-sessjoni tal-eżamijiet tal-Matrikola u s-SEC li din is-sena b’mod straordinarju saru bejn id-29 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Ottubru 2020.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li kienu 35 biss li tilfu xi sessjoni jew iktar għaliex kienu kwarantina u minkejja dan, xorta waħda se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom. Ġie spjegat ukoll li ma kienx hemm każijiet ta’ studenti li kellhom joħorġu miċ-ċentru tal-eżami għax ħassewhom ma jifilħux.
L-istqarrija kompliet tgħid li saru 9 sessjonijiet ta’ eżamijiet fid-djar ta’ tliet istudenti li se jsegwu korsijiet li jirrikjedu kwalifiki speċjali biex tidħol fihom peress li nqabdu fi kwarantina.
Il-Ministru Bonnici spjega li dawn l-eżamijiet intemmu b’suċċess u kollox mexa bl-aħjar mod waqt li ġiet salvagwardjata s-saħħa kemm tal-istudenti u kemm tal-eżaminaturi.
Dan filwaqt li rrikonoxxa t-tħassib ġenwin ta’ min kien inkwetat dwar il-fatt li se jsiru dawn l-eżamijiet.
Huwa saħaq li s-suċċess tas-sessjoni tal-eżamijiet ma kienx b’kumbinazzjoni imma ntlaħaq għaliex l-awtoritajiet segwew il-miżuri kollha li ġew imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru.