Erbat ijiem ta’ attivitajiet sportivi organizzati mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attivà, raw xejn inqas minn seba’ mija u sittin anzjan u anzjana minn djar residenzjali differenti u ċentri ta’ matul il-jum, jiċċaqalqu, jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku u fuq kollox, jieħdu gost flimkien.
It-Tlieta filgħodu ltqajna mal-aħħar grupp ta’ anzjani li attendew għal dawn l-attivitajiet, li saru bis-sehem ta’ diversi professjonisti mill-Allied Health, li raw li l-logħob kollu ppjanat seta’ jitgawda mill-anzjani kollha, irrispettivament mill-qagħda fiżika li jinsabu fiha.
Per eżempju, għall-basketball saru stands b’tul differenti biex l-anzjani li huma f’siġġu tar-roti, ukoll setgħu jitfgħu l-ballun u jiskurjaw.
Qalet, “Ħdimna biex ġo kull station ikun hemm żewġ professjonisti ħalli fejn ikun hemm bżonn, dejjem qed jgħinu lill-anzjani u l-għan ta’ kollox huwa li l-anzjani jieħdu gost imma fl-istess ħin, jagħmlu eżerċizzju, iċaqalqu l-ġogi, isaħħu l-muskoli u anki jgħinu bħala bilanċ u biex jibqgħu iktar attivi fil-ħajja ta’ kuljum għax dawn l-attivitajiet jgħinuhom fl-attivitajiet ta’ matul il-ġurnata wkoll.”
Cynthia Formosa, Senior Manager fid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva spjegat li attivitajijet bħal dawn, li jiġbru anzjani minn djar residenzjali u ċentri differenti taħt saqaf wieħed, jirrikjedu ppjanar u loġistika minn qabel.
Qalet, “Qsamnihom fi gruppi differenti. Għamilna taċ-ċentri tal-anzjanità attiva għalihom għax ħafna drabi jkunu għadhom naqra iktar attivi, imbagħad dawk li jgħixu fid-djar residenzjali għamilnihom għalihom.”
Mimlija enerġija bejn logħba u oħra, l-anzjani qalulna dak li ħadu pjaċir jagħmlu fil-kumpless sportiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport fl-Università ta’ Malta.
Oħrajn irrikonoxxew l-importanza tal-isport fil-ħajja, speċjalment wara li għaddew minn inċidenti li jżommuhom milli jkunu attivi kemm jixtiequ.
Fuq kollox, l-anzjani kienu kuntenti li wara aktar minn sentejn ta’ pandemija li laqtet lilhom aktar minn kulħadd, setgħu joħorġu flimkien mingħajr maskri u jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin.