Mis-Sibt mas-7,500 persuna li huma eks membri tal-korpi, eks ħaddiema tax-xatt u anki eks ħaddiema jew membri preżenti tal-korp tal-pulizija bdew jirċievu ċ-ċekk.
Bejniethom dawn il-persuni ser jingħataw madwar €12-il miljun.
Dawn l-għotjiet għall-inġustizzji u anomaliji tal-imgħoddi se jingħataw għat-tielet sena konsekuttiva.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq li qed titwettaq wegħda oħra tal-manifest elettorali.
Qal li mis-sena d-dieħla, għall-ewwel darba se jsiru ħlasijiet ukoll lil eks membri tal-korpi li wara li spiċċaw mill-ingaġġ tagħhom, daħlu jaħdmu f’entitajiet jew kumpaniji parastatali.
Il-Ministru Falzon sostna li “Wieħed għandu jiġbed l-attenzjoni wkoll għal fatt li mis-sena d-dieħla minn dan il-pagament ħa jkun hemm ukoll żewġ kategoriji oħra li ħa jibdew jircievu benefiċċju li huma l-eks ħaddiema tal-Gas Board u dawk li kienu fil-korpi imma kienu attwalment jaħdmu fis-settur pubbliku f’korporazzjonijiet pubbliċi u oħrajn.”
Bl-għotjiet ta’ din is-sena, b’kollox s’issa se jkunu ibbenefikaw madwar 8,100 persuna jew werrieta tagħhom li bejniethom ħadu ftit aktar minn €44 miljun.
Għas-sena d-dieħla hemm allokati tlettax-il miljun ewro oħra biex b’hekk it-total ta’ għotjiet imħallsa sas-sena d-dieħla ser jkunu qed jaqbżu s-€57 miljun.
Il-ħlasijiet totali għal eks-ħaddiema tal-Korpi u dawk tal-Gas Board bejniethom ħa jircievu mas-€7 miljun f’għotjiet.
Dawn l-għotjiet ser jingħataw ukoll lill-uffiċjali tal-pulizija liema ħlasijiet dovuti huma dwar sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009.
L-uffiċjali tal-pulizija li qed jibbenefikaw, jgħoddu mal-elfejn u ħames mija, u dawn huma fil-grad ta’ Kuntistabbli, Surġent jew Surġent Maġġur.
Fosthom dawn hemm madwar nofshom li għadhom qed iservu fil-korp tal-pulizija, bl-ħlas totali lil dawn il-pulizija huwa ta’ €2 miljun.
Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fakkar li l-Gvern ma kellux obbligu legali biex jagħti l-għotjiet.
Il-Ministru Edward Scicluna spjega li “Dan jista’ jsir għax l-ekonomija b’saħħitha jiġifieri min jipprova jnaqqas l-attenzjoni minn fuq l-ekonomija u jipprova jitfa’ għajnejh fuq affarijiet oħra jrid jifhem li jekk ma jkunx hemm xi tqassam għax l-ekonomija ma tkunx b’saħħitha għalxejn ikun hemm argumenti. Ta min wieħed jissottolinja li l-ekonomija u s-saħħa tal l-ekonomija hija l-għajn tal-ġid li jkun qed jitqassam fil-pajjiż.”