Wara kampanja ta’ tindif minn Parks Malta li damet madwar ħames xhur, inġabru seba’ mija u ħamsin tunnellata ta’ skart minn bosta postijiet madwar Malta u Għawdex, liema spazji issa se jaraw tħawwil ta’ elf u ħames mitt siġra.
F’din il-kampanja, li saret ukoll bl-appoġġ tal-ħaddiema ta’ Parks Malta ħadu sehem aktar minn għoxrin għaqda kemm governattivi, u anke mhux governattivi.
Fl-għeluq tal-kampanja f’Wied il-Għasel, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli rringrazzjat lid-diversi entitajiet għall-ħidma tagħhom.
Hija sostniet li din l-inizjattiva għandha sservi wkoll bħala tifkira biex nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ pajjiżna, u spjegat li fil-fatt, l-iskart miġbur ma nġabarx biss mill-widien: “Parks Malta, nedew inizjattiva fix-xhur tas-sajf li tant ġibdet attenzjoni li ġbarna flimkien numru ta’ organizzazzjonijiet u anke ħaddiema minn entitajiet differenti inkluż mal-ħaddiema ta’ Parks Malta nfushom, fejn għamilna dawn ix-xhur sa issa, niġbru skart mill-widien, mill-baħar u anke minn spazji miftuħa madwar il-gżejjer Maltin.”
Intant, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta, Adrian Attard qal li dawn l-inizjattivi huma pass importanti lejn il-konservazzjoni tan-natura Maltija.
Żied jgħid li din il-kampanja wriet li bosta għaqdiet non governattivi jridu jaħdmu mal-Gvern għall-miri komuni tagħhom:“Kienet proprju tnediet fl-erbatax ta’ Lulju, iżda kellha tiġi estiża minħabba l-konkorrenza ta’ ħafna individwi u għaqdiet volontarji li riedu jinagħqdu magħna sabiex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.”