750 jott irreġistrati f’pajjiżna b’tul ta’ erbgħa u għoxrin metru jew aktar, huma fost l-opri tal-baħar li jikkontribwixxu għall-mitt miljun ewro fis-sena li tħalli fl-ekonomija Maltija l-industrija tal-jottijiet.
Dan ingħad waqt konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ Maltija, li kellha l-għan li tagħti stampa ċara tal-industrija tal-jottijiet f’pajjiżna, u l-iżviluppi li saru fl-aħħar snin.
Dr. Alison Vassallo, iċ-Chairperson tal-Yachting Services Business Section fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, semmiet uħud mill-fatturi li xprunaw is-suċċessi miksuba fl-aħħar snin.
Vassallo qalet li “Naħseb li huma vantaġġi bħall-bandiera, il-fatt li s-servizzi huma ta’ livell għoli, il-fatt li l-klijenti jħossuhom komdi mal-ġurisdizzjoni tagħna, il-fatt li hemm vantaġġi u soluzzjonijiet li s-sidien jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom u kollox flimkien joffri ġurisdizzjoni b’saħħitha ħafna.”
Il-Ministru Edward Scicluna tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja lil dan is-settur – li jimpjega mal-elf u ħames mitt persuna.
F’dan il-kuntest qal li l-pubblikazzjoni tal-linji gwida dwar il-mod kif is-superyachts iħallsu t-taxxa, temmew it-theddida li pajjiżna kien qed jaffaċċja mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan hekk kif is-sena l-oħra, Malta u tliet pajjiżi Ewropej oħra ffaċċjaw twissija hekk kif dawn ma kinux iħallsu t-taxxa kollha minħabba li parti mit-traġitt tagħhom kien ikun barra mill-Unjoni Ewropea u allura l-proporzjon kien ikun skont il-kobor tal-jott. Iżda wara negozjati u diskussjonijiet fit-tul, intlaħaq qbil mal-Kummissjoni Ewropea.
Scicluna spjega li “Aħna kkonvinċejnihom li ċertu affarijiet li qed isiru għandhom jibqgħu, pero bi spirtu ta’ kompromess aċċettajna wkoll li l-parti kemm ikunu ġewwa jew barra tiġi kkalkulata wara li ssir l-attivita. Riżultat ta’ hekk, il-Kummissjoni ddroppjat it-theddida ta’ infringement fuq Malta u għalhekk l-industrija tista’ tkompli tgawdi l-attivita li hija importanti ħafna għall-ekonomija ta’ pajjiżna.”