Pajjiżna llum għandu mhux biss l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, iżda għandu wkoll l-akbar rata ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tkellmet dwar dan waqt il-programm ‘Bil-Fatti’ fuq ONE fejn ġie diskuss l-aspett tan-nisa u d-dinja tax-xogħol fil-kuntest tal-festa ta’ Jum il-Ħaddiem.
Għal dan il-għan, il-Partit Laburista diġà ħejja programm estensiv ta’ attivitajiet biex ifakkar il-kisbiet ta’ Gvernijiet Laburisti fl-aħħar snin, fosthom ir-rekord ta’ opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżna, tant li llum ingawdu waħda mill-inqas rati ta’ qgħad u waħda mill-ogħla rati ta’ persuni f’impjieg fl-Unjoni Ewropea kollha.
“Tħares lura għal dawn l-aħħar għaxar snin, 12-il-sena, tara t-trasformazzjoni ekonomika li kellu dan il-pajjiż u li saret grazzi għall-ekonomija għaqlija li mexxa ’l quddiem il-Gvern Laburista. Illum il-ġurnata għandek waħda mill-ogħla rati ta’ nisa li qegħdin fis-suq tax-xogħol u rrid nagħmel paragun. Mela fl-2013 kellna ftit aktar minn 50 fil-mija tan-nisa li kienu qegħdin fis-suq tax-xogħol. Ilum il-ġurnata, 11-il sena wara, għandna aktar minn 75% tan-nisa fis-suq tax-xogħol.”
Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari
Il-Gvern ħadem ukoll, permezz ta’ inizjattivi oħrajn, li bihom għen u qed jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin. Inizjattivi, li ġew deskritti mill-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Alamango, bħala tanġibbli.
“Iċ-childcare għenet ħafna nisa b’mod tanġibbli, imbagħad, ikollok ħafna miżuri żgħar li jgħinu familji differenti għandek il-carers leave, il-leave tal-paternità, li jkompli jgħin għandek l-IVF leave għandek 100 siegħa li dak li jkun jixtieq jippjana familja llum il-ġurnata qed ifittex mezzi li għandna f’pajjiżna li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom li joħdulek ħafna ħin.” 32 seconds
Il-President, Nisa Laburisti, Nikita Alamango
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern kompla jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Biex ifakkar dawn il-kisbiet u oħrajn, il-Partit Laburista qed jistieden ukoll lill-familji biex jieħdu sehem fil-programm estensiv ta’ attivitajiet li ħejja ghal Jum il-Ħaddiem, fosthom nhar il-Ħadd li ġej fejn il-Prim Ministru Robert Abela se jmur jiltaqa’ man-nies f’Raħal Ġdid, Ħal Qormi u r-Rabat.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħaq nhar l-Ewwel ta’ Mejju b’mass meeting fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.