Il-Jum tan-Nazzjonijiet Magħquda bit-tema “Shaping our Future Together” jikkomemora l-ħidma attiva ta’ din l-organizzazzjoni.
Din is-sena timmarka wkoll il-ħamsa u sebgħin sena mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti li taħdem qatigħ għall-paċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li n-Nazzjonijiet Magħquda trid taddatta maż-żmien.
Semma wkoll kif bħalissa għaddejjin madwar erbgħin kunflitt f’naħat differenti tad-dinja.
Il-Ministru Bartolo qal kif f’dan il-jum, f’Ġinevra ġie ffirmat ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fil-Libja u fisser kif dan l-iffirmar huwa sinjifikanti.
Huwa stqarr: “Imbagħad miegħu jrid ikun hemm ukoll ftehim ieħor sintendi ta’ li jerġa’ jibda tiela’ ż-żejt u jintlaħaq il-ġid għal kullħadd u jintuża biex il-libjani li qed ibatu ħafna b’nuqqas ta’ djar, skejjel, sptarijiet, pajjiż f’ħafna nħawi tiegħu mkisser jerġa’ jibni lilu nnifsu mill-ġdid.”
Saħaq kif l-inizjattivi li ħa pajjiżna matul is-snin jagħmluna mhux biss segwaċi iżda wkoll protagonisti ta’ dan: “Għandna nies li ddistingwew ruħhom internazzjonalment eżempju bħal Professur David Attard li ntagħżel reġa’ biex ikun fit-tribunal ta’ tilwim li jkun hemm bejn pajjiż u ieħor fuq kwistjonijiet tal-baħar u kwistjonijiet taż-żejt.”
Intant il-Minisru Evarist Bartolo għamel stedina għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex japplikaw ħalli jkunu delegati tal-Ġnus Magħquda.




