Hekk kif intlemaħ il-bastiment SS Ohio dieħel irmunkat fil-port, feġġ raġġ ta’ dawl fuq il-poplu Malti. Fil-ħmistax t’Awwissu tal-1942, daħal l-aħħar bastiment minn total ta’ ħamsa li waslu Malta sabiex ikunu jistgħu jsalvaw lill-pajjiż mill-għaks li kien qiegħed jaħkmu. Din is-sena qed nerġgħu niċċelebraw il-perseveranza tal-poplu Malti hekk kif nfakkru l75 sena mill-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija.
Storiku tal-gwerra Simon Cusens stqarr kif ‘Operation Pedestal’ kienet waħda kritika u fuq kollox bżonnjuża għall-alleati biex iżommu lil Malta bħala bażi navali. Din kienet waħda mill-ikbar operazzjonijiet li qatt seħħet fl-ibħra tal-Mediterran u kienet ser tissupplixxi pajjiż sħiħ bir-riżorsi li kellu bżonn fosthom ikel, mediċina, munizzjon u żejt hekk kif il-provvisti kienu naqsu drastikament. Ħadmu kemm ħadmu b’reqqa, bl-ebda mod ma setgħu jeludu lill-għadu tant li sofrew attakki bil-konsegwenza li tilfu numru sostanzjali ta’ bastimenti.
Kif kien mistenni hu u dieħel mill-istrett ta’ Ġibiltà, l-konvoj sab lilu nnifsu wiċċ imb wiċċ ma’ opri tal-ajru u l-baħar mibgħuta mill-għadu iżda minkejja t-taqbid u l-attakki matul il-vjaġġ, ħames bastimenti rnexxielhom jaslu sa xtutna u dawn kienu biss parti żgħira minn konvoj sħiħ magħmul minn tmienja u sebgħin bastiment. Dawn il-bastimenti kollha kienu meħtieġa għall-operazzjoni għaliex erbatax minnhom kienu qed iġorru merkanzija u l-bqija kienu qed iservu bħala skorta biex ikunu żguri li l-merkanzija tasal sa Malta billi jipproteġu lill-konvoj minn attakki tal-għadu. Li kieku ma kienx hekk, kemm il-poplu Malti kif ukoll l-Alleati kienu jħallsu prezz qares għaliex il-pajjiż kien ikollu jċedi l-armi tiegħu u l-Assi kien ikollhom post strateġiku tajjeb minn fejn ikunu jistgħu jikkontrollaw l-Ewropa t’isfel u l-Afrika ta’ fuq.
Cusens spjega kif mhux il-bastimenti kollha daħlu fil-ħmistax t’Awwissu iżda dak li daħal proprju f’din il-ġurnata ddedikata lil Santa Marija, l-Ohio, ser jibqa’ mfakkar għall-fatt li kien qed iġorr l-iktar ħaġa bżonnjuża fiż-żmien tal-gwerra, żejt. B’hekk din il-ġrajja ser tibqa’ tiġi mfakkra mal-Maltin bħala ‘il-Konvoj ta’ Santa Marija’ wara jiem sħaħ ta’ talb li kienu ddedikawlha biex issalvahom mill-ġuħ kbir f’dan il-mument tant diffiċli u kritiku.
Cusens stqarr kif dan il-konvoj kien is-salvazzjoni tal-poplu Malti hekk kif kienet waslet fix-xifer li ċċedi għall-pressjoni tal-għadu. Kompla billi qal li dan il-konvoj ma kienx l-ewwel tat-tip tiegħu u saħansitra kien hemm bżonn ta’ konvoj ieħor ftit xhur biss wara dak t’Awwissu.
F’din il-ġrajja partikolari jispikkaw il-perseveranza u r-reżistenza tal-poplu Malti. Dan wassal biex fl-istess sena ngħata il-George Cross li llum nsibuh iperper fuq il-bandiera Maltija, għall-qlubija li wrew il-Maltin waqt dan il-perjodu waħxi fl-istorja ta’ Malta.