Ħamsa u sebgħin sena ilu saret l-aħħar eżekuzzjoni bil-forka f’ pajjiżna.
Kien nhar il-ħamsa ta’ Lulju tal-elf disa mija tlieta u erbgħin li permezz tal-forka nqatlu l-aħwa Karmnu u Ġuzeppi Zammit minn Ħal Qormi wara li nstabu ħatja bil-qtil ta’ Spiru Grech sena qabel.
Dwar dan il-każ tkellimna mal-Kuratur tal-Mużew tal-Pulizija s-Surġent Maġġur Joseph Borg.
Quddiem replika tal-forka li tinsab f’dan il-mużew, huwa ta dettalji dwar l-omiċidju ta’ dan il-bidwi nieqes mid-dawl f’ għajnejh, f’Ħal Farruġ.
Il-każ kien ġie solvut fi ftit jiem bl-għajnuna ta’ żewġ persuni, fosthom persuna li kienet taħdem san Vincenz de paul, dak iż-żmien l-Imgieret li rrapurtat li rat lil Grech fil-kumpanija tal-aħwa Zammit.
L-ieħor kien bdot li waqt li kien fl-ajru lemaħ liż-żewġt irġiel jaħdmu b’mod stramb fuq munzell ħmieġ tal-annimali.
Taħt il-ħruxija tal-forka saru wieħed u disgħin eżekuzzjoni f’ pajjiżna.
L-eżekuzzjoni kienet issir permezz ta’ purċissjoni sabiex juru lill-poplu min se jinqatel.
Wara l-eżekuzzjoni ta’ bħal lum ħamsa u sebgħin sena kien hemm iżjed sentenzi ta’ forka madankollu dawn irnexxielhom jeħilsuha sakemm il-forka nqatgħet għalkollox minn pajjiżna.
Il-forka ddaħħlet f’Malta fl-elf u tmien mija u ntużat għall-ewwel darba sena wara meta permezz tagħha nqatlu suldat u baħri Ingliż wara li nstabu ħatja li ttradew lill-Gvern Ingliż.