Erbgħa u sebgħin raġel u ħdax-il mara li jixtiequ karriera mal-Forzi Armati ta’ Malta, għaddejjin b’reklutaġġ ta’ erba’ xhur.
Fi tmiem is-sitt ġimgħa ta’ dan ir-reklutaġġ, ONE News bakkar fil-Barracks ta’ Ħal Luqa fejn kien hemm ir-rekluti għaddejjin bl-eżerċizzji bħala parti mit-taħriġ.
Il-Bumbardier Michael Mercieca, għalliem fl-iskola tat-taħriġ tal-AFM, spjegalna kif ir-reklutaġġ huwa maqsum fi tliet fażijiet; bl-ewwel waħda hija meqjusa bħala l-aktar diffiċli għax fiha sseħħ it-tranżizzjoni minn persuna ċivili għal dik militari.
Qal, “Bħala suġġetti nibdew nintroduċulhom il-physical training, id-drill u kif jużaw l-armi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-ewwel fażi tispiċċa bil-living in – għaddejja bħalissa, għandhom ħmistax ir-rekluti jorqdu hawnhekk ġol-barracks. It-tieni fażi nkomplu fuq li nkunu bnejna fl-ewwel fażi u nintroduċulhom xi suġġetti ġodda bħall-map reading u fieldcraft u nagħmlulhom ukoll exercises li r-rekluti jorqdu barra. It-tielet fażi jkollhom l-eżamijiet, nikkonkludu s-suġġetti kollha anki l-first aid, u fl-aħħar nibdew il-preparamenti għall-passing out parade.”
Il-Logutenent Nicole Attard Glivau tieħu ħsieb ir-reklutaġġ u nnutat kif kull sena, qed jiżdiedu n-nisa li japplikaw mal-AFM.
Qalet, “Hija xi ħaġa sabiħa mmens li ta’ kull sena qed naraw iktar nisa japplikaw u mħajrin biex jingħaqdu fil-Forzi Armati. Dan ir-reklutaġġ, il-maġġoranza tal-età tar-rekluti għandhom bejn tmintax u għoxrin sena, allura kif wieħed jista’ jimmaġina, għandna tim mimli enerġija mżewwaq b’ħiliet u abbiltajiet differenti.”
Waħda mir-rekluti nisa hija Chanelle Ciantar.
Staqsejniha x’ħajjarha taspira għal karriera li ħafna drabi hija ddominata u assoċjata mal-irġiel.
Stqarret, “L-isfida kienet waħda mill-aktar raġunijiet li ħajtuni. Minn dejjem nieħu pjaċir nisfida lili nnifsi, inħobb ħafna l-avventura kont scouts qabel, u naf li għamilt l-għażla t-tajba għax sibt sens ta’ komunità kbira hawnhekk.”
Staqsejniha wkoll x’tixtieq tieħu minn din il-karriera.
Qalet, “Qed naspira li bħala persuna tikber, timmatura iktar, ix-xewqa tiegħi hija li nidħol fl-Air Wing. L-avjazzjoni dejjem kienet passjoni kbira tiegħi allura ’l hemm qed nimmira bħalissa.”
Il-Bumbardier Mercieca semma l-kwalitajiet li għandu jkollu kull min jaspira li jingħaqad mal-Forzi Armati.
Qal, “Ir-rekluta għandu jkollu abbiltà li jaħdem f’teamwork, dejjem irid ikun hemm katina kulħadd jaħdem f’tim. Il-lealtà, kemm lejn sħabu u kemm lejn il-pajjiż. Id-dixxiplina li inti trid tqum kmieni, tipprepara l-uniformi, tqaxxar il-leħja u anki tagħmel xagħrek.”
Ma jfissirx li kull min jibda r-reklutaġġ, itemmu b’suċċess, għaliex kif spjegat il-Logutenent Attard Glivau, huma erba’ xhur intensivi bi sfidi diversi.
Qalet, “Sfortunatament ma jfissirx li inti għax bdejt ir-reklutaġġ, ħa ssir suldat. Hemm min jaqta’ qalbu, hemm min jerġa’ jibdielu – bħal dar-reklutaġġ, fl-ewwel ġurnata rrappurtaw mija u tlieta rekluti, sal-lum, qegħdin fis-sitt ġimgħa, qegħdin ħamsa u tmenin.”