Is-servizz tas-Saħħa Pubblika kompla jissaħħaħ hekk kif daħlu 74 infermier ġdid.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-infermiera diġà bdew joffru s-servizz tagħhom lill-Isptar Mater Dei, fejn fl-ewwel xhur tagħhom ingħataw l-opportunità li jaħdmu f’diversi oqsma biex jakkumulaw esperjenzi differenti fi ħdan is-servizz tas-saħħa.
Fi żjara lil uħud minn dawn l-infermiera ġodda fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne awguralhom talli temmew l-istudji tagħhom b’suċċess u b’hekk issa jistgħu jipprattikaw dak li stinkaw għalih waqt l-istudju tagħhom.
Chris Fearne ħeġġeġ lil dawn l-infermiera l-ġodda biex fl-ewwel snin tal-karriera tagħhom jidentifikaw l-oqsma li l-iżjed jinteressawhom biex ikomplu jispeċjalizzaw f’dik il-linja.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li l-investiment tal-Istat fl-edukazzjoni ta’ dawn l-infermiera jsarraf f’investiment dirett fil-kura tal-pazjenti u għalhekk ħeġġeġ iżjed żgħażagħ biex jagħmlu l-ewwel pass u jibdew it-triq edukattiva tagħhom fil-qasam tal-infermerija.