72 immigrant irregolari ta’ nazzjonijiet varji ġew rilokati lejn pajjiżi oħra.
Dan intqal fi stqarrijia mill-Ministeru għall-Intern, li din saret bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja, stabbilit f’Ġunju 2022 għal perjodu ta’ sena, maħsub sabiex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq pajjiżi tal-fruntiera.
Dawn il-migranti telqu minn Malta permezz ta’ titjira lejn stati membri tal-Unjoni Ewropea fejn se jkunu jistgħu jkomplu bil-proċess marbut mat-talba tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.
Il-Ministru Byron Camilleri fakkar li r-rilokazzjoni hija l-iktar mezz effettiv kif pajjiżi oħra Ewropej u l-Unjoni Ewropea jista’ jnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni rregolari minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta ħabba d-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħha.
Permezz tal-istrateġija tagħha ta’ prevenzjoni, ritorn u rilokazzjoni, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, Malta rnexxilha tnaqqas il-wasliet u tirritorna u tirriloka l-istess ammont ta’ immigranti daqs kemm waslu mill-bidu tas-sena.
Il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern se jkompli jaħdem bis-sħiħ fuq prevenzjoni, inkluż b’koperazzjoni mal-Libja, tonqos il-possibbiltà ta’ mwiet u li waslet għal tnaqqis konsiderevoli ta’ wasliet irregolari.
It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni involvew l-assistenza ta’ bosta entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil.
Ir-rilokazzjoni hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, fosthom taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni.