Aktar minn sebgħin eks ħaddiem tal-Public Broadcasting Services qed jirċievu bejniethom mal-ħames miljun u nofs ewro, f’pagamenti b’rabta mal-iskema tal-pensjoni li kienet ħolqot inġustizzji magħhom fi żmien Gvern Nazzjonalista.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, tħabbru d-dettalji dwar dawn il-pagamenti lil eks ħaddiema tal-PBS.
Din l-iskema tniedet abbażi ta’ ftehim kollettiv milħuq fl-elf disa’ mija, sitta u sebgħin bejn il-General Workers’ Union u Xandir Malta u oħrajn li qabel kienu impjegati mal-grupp tal-kumpanija Rediffusion.
B’dan il-ftehim, il-Korporazzjoni ntrabtet li twaqqaf skema ta’ pensjoni għall-impjegati tagħha, simili għal dik li dak iż-żmien il-Gvern kien iħaddem għall-impjegati tiegħu.
Bħala l-entità li aktar tard twaqqfet biex tmexxi x-xandir pubbliku, il-Public Broadcasting Services wirtet dan l-obbligu, kif ġie anke kkonfermat mill-Qorti Ċivili f’kawża li fetħu l-istess ħaddiema.
Id-deċiżjoni finali tal-Qorti ntlaqgħet mill-Gvern, u fil-fatt, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musù, spjega kif il-Gvern daħal għall-piż tal-pagamenti meħtieġa.
“F’dan il-każ, peress li l-obbligu strettament kien fuq il-PBS, imma refgħu l-Gvern, allura kellna nużaw l-istrutturi li għandu l-Gvern fil-ħlas tal-pensjonijiet, kemm tas-servizz u kemm tas-sigurtà soċjali. Allura l-proċess ikun jirrikjedi, li wieħed l-ewwel jistabbilixxi l-pagi li kellhom dawn il-ħaddiema, is-snin ta’ servizz li kellhom mal-kumpanija, jinħadmu l-pensjonijiet tas-servizz dovuti lilhom u fejn ikun il-każ anke l-gratuities li jkunu dovuti, trid tiġi aġġustata l-pensjoni tas-sigurtà soċjali minħabba li tonqos meta persuna jkollha l-pensjoni tas-servizz, imbagħad jitħallsu ovvjament l-arretrati netti dovuti lil dawk involuti u minn issa ’l quddiem jibdew jitħallsu żewġ pensjonijiet.”
B’kollox il-proċess jolqot tnejn u sebgħin ħaddiem, bi spiża netta li tlaħħaq il-ħamsa punt ħamsa miljun ewro.
Sa issa tħallsu ħamsin każ, u baqa’ tnejn u għoxrin, li minnhom erbatax huma ta’ persuni li m’għadhomx ħajjin. Fir-rigward ta’ impjegati li laħqu mietu, il-ħlas tal-arretrati jsir lill-eredi awtorizzati tagħhom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jindirizza l-inġustizzji tal-passat taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
“Bħala Gvern, l-ewwel nett għamilna proposta fil-manifest elettorali li issa qed inwettquha, li nindirizzaw tul din il-leġiżlatura l-każ tal-ħaddiema tal-PBS, u hawnhekk qed nonoraw ukoll sentenza tal-Qorti.”