F’laqgħa konġunta tal-Eżekuttiv Nazzjonali u l-Grupp Parlamentari Laburista li saret it-Tlieta filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, ġie deċiż li b’effett immedjat, id-Deputat Konrad Mizzi ma jibqax jifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara vot sigriet għall-mozzjoni li ressaq il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.
F’dan il-vot sigriet, kien hemm 71 vot favur, vot wieħed biss kontra u astenzjoni waħda.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Eżekuttiv flimkien mal-Grupp Parlamentari hi dik li Konrad Mizzi mhux se jibqa’ jifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista.”
Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru ta l-kummenti lill-ġurnalisti u saħaq kif l-Eżekuttiv Nazzjonali u l-Grupp Parlamentari qed jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom sabiex ma tiġix imtappna l-ħidma tal-Partit Laburista fil-Gvern.
Dr Abela qal: “Aħna llum issettjajna l-ogħla standards ta’ governanza, ta’ imġiba etika u tajba mill-aspett politiku u għaldaqstant id-deċiżjonijiet ittieħdu, id-deċiżjoni ttieħdet.”
Il-Prim Ministru spjega d-deċiżjoni li ttieħdet. Huwa sostna: “Il-pożizzjoni dwar Konrad Mizzi, id-deċiżjoni dwar Konrad Mizzi ttieħdet minħabba l-implikazzjonijiet illi kien hemm illi hu kellu konnessjonijiet mal-Panama Papers ma’ ta’ 17 Black. Fil-każ ta’ Joseph Muscat m’hemm ebda minn dawk l-allegazzjonijiet.”
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern għad fadallu mandat b’saħħtu.
“Fadlilna sentejn li fihom irridu nagħmlu ħafna u ħafna ġid għal poplu tagħna”, saħaq il-Prim Ministru.