71 proġett mill-iskemi ta’ A4U, BeActive u t-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda bbenefikaw minn total ta’ għotjiet li jammontaw għal madwar €138,000.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, waqt ċerimonja li saret apposta, tenna li inizjattivi bħal dawn iwasslu għall-proġetti innovattivi miż-żgħażagħ, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv fis-soċjetà Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Grima saħaq, “Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħti l-appoġġ għal dawn l-inizjattivi għaliex iservu ta’ pjattaforma għal aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna.”
Matul din is-sena, taħt l-iskema ‘It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’, se jkun hemm total ta’ 31 proġett. L-għan ta’ din l-iskema huwa li turi l-kapaċità tal-iskejjel tal-mużika fi ħdan id-diversi każini tal-banda bħala spazji li fihom jagħtu opportunità tajba liż-żgħażagħ biex juru t-talenti tagħhom.
Il-każini tal-banda jistgħu jagħżlu li jissottomettu proposti taħt żewġ skemi ta’ għajnuna finanzjarja. Skema A, għal klabbs individwali tas-solo band, u Skema B, għall-proposti minn gruppi ta’ każini tal-banda li ma jaqbżux ħames inizjattivi.
L-iskema A4U tipprovdi għajnuna finanzjarja biex l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ itejbu l-operat tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jinvestu f’għodda li minna jistgħu jibbenifikaw. Mill-banda l-oħra, l-iskema ‘Be Active’ hija skema ta’ fondi li tingħata lil gruppi ta’ żgħażagħ li jkunu pproponew ideat għal inizjattivi volontarji li jistgħu jsiru bi sħab mal-istess aġenzija.