7,072 persuna rċievew aktar minn €1,000 kull wieħed f’pagament ta’ benefiċċji li qed jingħataw lill-persuni milquta mill-pandemija.
Ħabbar dan il-Ministru għall-familja u s-solidarjetà soċjali Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mis-sitt proċess ta’ ħlasijiet ta’ benefiċċji.
Qal li tħallsu ukoll seba’ mija ħamsa u tletin elf f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. B’hekk in-nefqa tal-Gvern f’benefiċċji għal waqt il-pandemija issa telgħet għal €7,350,000.
Fil-konferenza ntqal li sa issa daħlu 9,670 applikazzjoni, u ġew maħduma 98.7% tal-applikazzjonijiet.
Fost dawk li tħallsu hemm 5,863 persuna, li jew rċievew il-benefiċċju tal-ġenituri li waqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom, jew dak mediku jew tad-diżabilità waqt li żammew l-impjieg.
Irriżulta li 399 persuna waqfu l-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol. Għaldaqstant sa issa, anki bl-għajnuna tal-iskemi tal-Malta Enterprise, ġew salvati 94,000 impjieg.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù tkellem dwar il-ħidma li qed issir minn meta bdiet il-pandemija, sabiex il-flus jibbenefika minnhom min vera ġie milqut l-aktar.
Huwa stqarr: “Ir-rata kważi qed 100%. Familji li qed jitħallsu 7,000 tħallsu 6.6 miljun meta tgħodd ta’ kontribuzzjoni jitilghu €7.3 miljun.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li bħal lum 64 sena ilu, il-Parlament Malti għadda l-ewwel liġi fil-qasam tas-solidarjetà soċjali.
B’hekk twieled ukoll id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, bil-Ministru Michael Falzon irringrazzja lill-ħaddiema li bis-sehem tagħhom u bl-għajnuna li jagħti l-gvern jgħinu lil min hu fil-bżonn itejjeb ħajtu.
Il-Ministru Falzon sostna: “Għandna liġi u monument childrens allowance u llum tajna rendikont ta’ erba’ skemi.”