Aktar minn 70,000 Malti u turist inġabru għaċ-ċelebrazzjoni nazzjonali li ttellgħu fi Pjazza San Ġorġ u fi Triq ir-Repubblika biex jagħtu merħba lis-Sena l-Ġdida.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-attendenza tat-Tlieta filgħaxija turi kif il-pubbliku Malti japprezza avvenimenti li jġibu flimkien artisti lokali ewlenin li provdew spettaklu tal-ogħla livell. Innota kif kull sena din iċ-ċelebrazzjoni qed tikber u qed issaħħaħ il-kalendarju kulturali f’pajjiżna u qed tattira lill-udjenza Maltija flimkien mat-turisti li jżuru Malta f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Il-Ministru Bonnici qal kif din iċ-ċelebrazzjoni fil-belt kapitali saret avveniment ewlieni matul l-aħħar snin, minħabba li tipprovdi opportunità mill-aqwa biex dawk li żaru l-Belt Kapitali, fejn kien hemm xi ħaġa li tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Il-kunċert tat-Tlieta li ġie organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kien jikkonsisti f’uħud mill-aqwa artisti lokali Maltin, b’kunċert live minn The Travellers, u kien jinkludi wkoll lil DJ Drey, Ozzy Lino and the Candy Moths, Kevin Paul, Gaia Cauchi u Kurt Calleja.