7000 tifel u tifla attendew għal 10 ġimgħat ta’ SkolaSajf ta’ din is-sena, immexxija minn 1,700 membru tal-istaff f’diversi ċentri mxerrda madwar Malta u Għawdex.
Din is-sena, SkolaSajf fetħet il-bibien tagħha kważi 15-il ġurnata iktar kmieni milli tiftaħ issoltu u waslet fi tmiemha propju fil-jum tal-Ġimgħa.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena l-istudenti saritilhom aktar minn 200 attività, 288 sessjoni ta’ edukazzjoni fiżika kif ukoll ittellgħet madwar 250 attività b’mod virtwali.
Għal dan is-suċċess il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li tajjeb li jingħad li matul Skolasajf ma kien hemm ebda każ ta’ student jew edukatur li nfetta ruħu bil-COVID-19 mill-iskejjel.
Dan juri l-mod rigoruż li bih dawk involuti mxew mal-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-virus.
Fil-fatt, meta f’okkażjonijiet individwali kien hemm edukatur jew student li nfetta ruħu bil-COVID-19 minn barra l-iskejjel, ittieħdu l-miżuri kollha minnufih, miżuri li ħadmu u kienu ta’ suċċess bil-koperazzjoni sħiħa tal-esperti tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.