Bil-għan li jkun imħeġġeġ iktar l-użu ta’ enerġija Alternattiva u arja iktar nadifa il-gvern nieda fond ta’ madwar 15–il miljun ewro minn Fondi Ewropej għal sistemi ta’ Pannelli Fotovoltajiċi residenzjali.
Dan tħabbar fi stqarrija tall-Uffiċċju tal-Prim Ministru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej meta nidew l-ewwel minn tliet skemi b’valur ta’ €5 miljun il-waħda. Huwa stmat li ftit inqas minn 7,000 familja mistennija tibbenefika minn din l-iskema.
Din l-iskema se taħdem fuq bażi ta’ ‘first come, first served’ u kull min jikkwalifika taħt din l-iskema se jingħata għotja ta’ 50% tal-valur tas-sistema sa mhux aktar minn €2,300, jew €757 għal kull kilowattpeak. Sistemi li ser ikunu qed isiru taħt din l-iskema se jingħataw feed-in tariff ta’ €0.16c5 għal sitt snin.
L-applikazzjonijiet se jiftħu fit-30 ta’ Mejju 2016 u aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.rews.org.mt jew fuq in-numru 22955000.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi qal li permezz ta’ din l-iskema u aktar skemi fiż-żmien li ġej, pajjiżna ser ikompli jilħaq il-miri tiegħu tal-elfejn u għoxrin, filwaqt li aktar familji jiggwadanjaw mill-benefiċċji ta’ enerġija nadifa. Huwa mistenni li sal-aħħar ta’ din is-sena se jkollna aktar minn 95 MWp.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li din l-iskema taqa’ taħt Assi ta’ Prijorita’ erba’ u tinkorpora fiha investiment totali ta’ kważi tmienja u ħamsin miljun ewro favur enerġija alternattiva u aktar sostenibbli.
Huwa spjega li permezz t’allokazzjoni li taqbeż ħmistax -il miljun minn Fondi Ewropej, din is-sejħa partikolari ser tkun qed tfisser investiment sostanzjali f’settur daqstant importanti.