Għaddew biss ġimagħtejn minn meta l-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument dwar is-settur tal- ħwienet u l-Partit Nazzjonalista spiċċa jiddefendih minflok jippromwovih. Dan għal diversi raġunijiet. Meta tnieda dan id-dokument intqal li kull self employed se jkollu t-taxxa mnaqqsa għal 10%.
Però issa rriżulta li mhu se jkun hemm ebda tnaqqis dirett t-taxxa. Minflok se jkun hemm kreditu li biex jingħata lis-self employed, dan irid jgħaddi minn diversi kriterji li fost oħrajn jirrikjedu investimenti min-naħa tiegħu li jistgħu jlaħħqu l-eluf ta’ ewro. F’kelma waħda mhux kulħadd se jibbenefika.
Fi ftit jiem, il-Partit Nazzjonalista spiċċa jiddefendi dik li skontu kienet l-aqwa proposta tiegħu. Saħansitra l-Partit Nazzjonalista lanqas hemm qbil dwar kemm se jibbenefikaw minn din il-proposta. Ix-shadow minister Robert Arrigo qal li se jkun hemm 40,000 persuna, Claudio Grech qal 30,000 persuna u Simon Busuttil kull darba jibgħatna nfittxu d-dokument fejn ma jingħad xejn.
Bħalma ma jingħadx li waħda mill-proposti teqred żvilupp ta’ art ODZ. Xi ħaġa żvelata fil-gazzetta KullĦadd tal-lum.