F’jum l-ewwel tas-sena mas-seba’ mitt persuna żaru ċ-ċentru tad-Detox fi Gwardamanġa hekk kif qed jagħmlu minn kollox biex jegħlbu l-vizzju tad-droga.
Dan qalulna t-Tabib Gianluca Bezzina, li proprju jaħdem f’dan iċ-ċentru, li hu magħruf ukoll bħala s-Sedqa’s Substance Misuse Outpatient Unit.
Waqt żjara li crew minn dan l-istazzjon għamel f’dan iċ-ċentru, li hu mmexxi mis-Sedqa taħt il-kappa tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, stajna naraw kif għall-ħaddiema hawnhekk ma jeżistux festi.
Dan hekk kif dawk dipendenti fuq il-vizzji tad-droga jingħataw l-għajnuna ta’ kuljum fit-triq tagħhom lejn ħajja indipendenti mis-sustanzi, billi anke, fost oħrajn, tingħatalhom il-mediċina tal-methadone li tgħin lill-pazjenti li jkunu dipendenti ħafna fuq id-droga biex jaqtgħu l-vizzju tagħhom anke billi jittaffew dawk imsejħin bħala ‘withdrawal symptoms’.
Kien proprju dan is-sentiment li wassal magħna t-Tabib Bezzina hekk kif in-numru kbir ta’ pazjenti li jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru jikkonferma s-suċċess ta’ dan is-servizz b’xejn offrut mill-Gvern.
Qal, “Dan hu servizz essenjali li mhemmx festi, mhemmx l-Ewwel tas-Sena, mhemmx Milied, Għid. Hu servizz li l-ħin kollu għaddej u dejjem issib lil xi ħadd hawnhekk.”
It-Tabib Bezzina nnota wkoll tliet aspetti partikolari li tingħata għajnuna dwarhom lil dawk dipendenti fuq il-vizzju tad-droga, partikolarment dawk il-pazjenti dipendenti fuq l-eroina.
Qal, “Naħdmu biex ngħinu lill-pazjenti li jgħaddu minn xi tip ta’ vizzju u ngħinuhom, tista’ tgħid, fuq tliet aspetti partikolari, l-ewwel ħaġa hi sobriety li wieħed ma jibqax dipendenti fuq is-sustanza, it-tieni li hi wkoll importanti daqs l-ewwel waħda hi improvement in global health, jiġifieri hawn ma niħdux ħsieb is-sustanzi perse, imma anke l-kumplikazzjonijiet li jġibu s-sustanzi fuq il-ġisem u l-moħħ ta’ dak li jkun.”
It-tielet aspett kruċjali hu dak favur ir-rintegrazzjoni lura fis-soċjetà.
Qal, “Ngħinu lill-pazjent biex jerġgħu jidħlu fis-soċjetà, li jkunu ċittadini sħaħ. Dak qisu l-għan aħħari li l-pazjenti tagħna nerġgħu nagħtuhom l-ħajja kif għandu jkollu kulħadd.”