Meta persuni jiġu bżonn it-trattament għall-kanċer li jinvolvi l-kimoterapija, jirrealizzaw li se jaqalhom xagħarhom, u jkun hemm min ikun lest li jirrifjuta t-trattament għax iħoss li jekk jitlef xagħru, jitlef ukoll parti mid-dinjità tiegħu.
Iżda, grazzi għal servizz li toffri l-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, jittaffa ftit minn dan id-dwejjaq li jkollhom dawn il-persuni, għaliex dawk li jkollhom bżonn dan it-trattament, ikunu eleġibbli li japplikaw għal parrokka b’xejn.
Matilde Balzan, voluntiera mal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, spjegat il-proċess għall-applikazzjoni.
“Meta jiġu diagnosed dawn jintalbu jimlew applikazzjoni, applikazzjoni sempliċi illi jġibuha jew mill-isptar stess tal-onkoloġija jew inkella mill-uffiċju tal-Malta Community Chest Fund li jinsab fil-livell -1 fl-isptar tal-Onkoloġija stess, hemmhekk timtela din il-formola, kulma jkollhom jagħmlu huwa li din il-formola hija illi jagħtu kopja tal-ID card tagħhom ukoll riferta mingħand it-tabib jew għand in-nurse illi t-trattament se jirriżulta illi se jwaqqalhom xagħarhom”
Dan is-servizz ma jingħatax biss lill-pazjenti bil-kanċer.
“Apparti dawk li jkunu morda bil-kanċer għandek nies li jbgħatu bil-kundizzjoni tal-alopecia illi jew jitwieldu bla xagħar jew inkella f’xi stadju ta’ ħajjithom jaqgħalhom ix-xagħar ukoll u anke nafu b’kundizzjonijiet magħrufa bħala lupus illi wkoll iwassal għat-telf ta’ xagħar.”
F’erba’ snin u nofs mindu beda dan is-servizz, ingħataw mas-700 parrokka, ilkoll magħmula minn xagħar li jingħata bħala donazzjoni.
“L-ewwel nett il-parrokki jibdew bid-donazzjonijiet tax-xagħar tal-Maltin u l-Għawdxin u hawnhekk ngħidilhom grazzi għaliex kienu verament ġenerużi. Imbgħad dan ix-xagħar irid jitnaddaf u jiġi issortjat u jsir f’pakketti fejn aħna nibgħatuh barra minn Malta u dawn imbgħad jiġu lura, ix-xagħar tal-Maltin stess jiġi lura bħala parrokki.”
L-età ta’ persuni li jirrikorru għal dan is-servizz tvarja minn tfal ċkejknin sa anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena, u jkun hemm ukoll pazjenti li jkollhom bżonn parrokki għal ħajjithom kollha.
Biex anki b’dan il-mod, il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund tkun ta’ spalla f’mumenti diffiċli.