“Fis-sena 2016, salvajna 70 żiemel. Din is-sena wara li aktar nies saru jafu dwarna, jidher li n-numru se jkun ferm akbar speċjalment wara li l-maġġoranza mis-sidien saru jippreferu jikkuntattjawna qabel jibagħtu liż-żiemel għall-qatla.”
Dan qalu kelliem għall-organizzazzjoni RMJ Horse rescue, organizzazzjoni li ssalva żwiemel li jkunu sejrin għall-qatla jewli jkunu abbandunati u jitħallew bil-ġuħ u bil-għatx. Ladarba, l-organizzazzjoni ssalva dawn iż-żwiemel, jgħaddu minn proċess ta’ riabilitazzjoni bil-għan li jkunu jistgħu jsibu dar ġdida fejn jgħixu. Dan bil-għan li din l-organizzazzjoni tkun tista’ ddaħħal aktar żwiemel biex ittihom ħajja ġdida.
Ħafna drabi nisimgħu dwar klieb u qtates li jispiċċaw abbandunati fit-toroq, fil-fatt huma dawn it-tip ta’ annimali li jingħataw l-aktar attenzjoni meta jinstabu abbandunati jew fi stat ħażin. Huwa rari li wieħed jisma’ dwar żiemel abbandunat, iżda dan għaliex?
“Żwiemel abbandunati ma jispiċċawx fit-triq u għalhekk ħafna nies ma jafux b’din il-problema li naffaċċjaw.”
Fil-maġġoranza tal-każijiet, RMJ rescue, spjegat li ħafna drabidawn iż-żwiemel ikunu qed jiġu maħqura wara bibien magħluqa. B’wieħed jieħu vantaġġ mill-vulnerabbiltà ta’ dawn l-annimali li leħen m’għandhomx u għalhekk jiddependu fuq organizzazzjonijiet bħal RMJ, biex jingħataw vuċi.
“Iż-żwiemel abbandunati jkunu maqfulin xi mkien, aktarx fejnma jarahom ħadd. Ġeneralment żiemel meta jispiċċa l-użu tiegħu kemm jekk ikun tat-tiġrija jew ta’ xi sport ieħor ma jkunux iriduh. Dan sabiex minfloku jġibu żiemel li jkun tajjeb għat-tiġrijiet jew għal sport ieħor.”
Dan ifisser li dawn iż-żwiemel li jkunu taw servizz eċċellenti lilsidhom, jispiċċaw abbandunati. Bit-tama li xi persuna tintebaħb’dak li jkun għaddej u tressaq rapport lill-awtoritajiet konċernati jew lil organizzazzjoni bħal RMJ.
Iżda meta dan ikun il-każ, il-proċess ma jkunx wieħed faċli. Dan hekk kif l-organizzazzjoni m’għandhiex il-poter li tieħu ż-żiemel minn għand is-sid tiegħu. Huwa għalhekk li tispikka d-determinazzjoni u l-imħabba bla qies ta’ dawn il-volontarji li xorta waħda jaffaċċjaw lis-sid taż-żiemel u f’numru ta’ każijiet irnexxielhom jikkonvinċu lis-sidien li l-aħjar għażla tkun li ż-żiemel tibda tieħu ħsiebu l-organizzazzjoni.
“Fil-maġġoranza tal-każi nitkellmu mas-sidien u bil-kelma t-tajba nippruvaw nikkonvinċuhom biex jagħtuna ż-żiemel. Dejjem sibna li jkollna iktar suċċess b’dan il-mod milli b’modi oħrajn. Nippruvaw kemm jista’ jkun inqajmu iktar kuxjenza billi nuru l-każijiet li nħabbtu wiċċna magħhom fuq siti soċjali bħal Facebook u Instagram.”
Ritratti u stejjer li dwarhom jitkellmu bosta nies u dejjem jistaqsu kif wieħed jista’ jasal jabbanduna annimal. Kummenti li fost oħrajn saru dwar l-istorja ta’ Chance, iż-żiemel li jidher fir-ritratt, żiemel li l-istorja tiegħu ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta.
“Chance kien żiemel li ġie mwieled għall-ġiri. Minħabba difett f’saqajh ta’ quddiem dan ma kien ħa jkun qatt tajjeb biex jiġri. Spiċċa jdur min sid għal ieħor u fl-età ta’ sena biss spiċċa maqful fi stalla bil-ġuħ u bil-għatx. Meta Chance ġie għandna bilkemm kellu saħħa jimxi. Ħabba l-fatt li bata l-ġuħ f’età tant żgħira spiċċa ma kibirx kemm suppost. Wara ħafna żmien ta’ paċenzja u bix-xogħol ukoll tat-tobba, tan-nagħal u tal-volontiera tagħna, Chance irkupra u llum għandu erbà snin. Chance bħalissa qed jistenna biex jintbagħat l-Iżvezja fejn hemmhekk se jkun jista’ jgħix il-kumplament ta’ ħajtu f’għalqa mimlija ħaxix.”
Storja li hija turija ta’ kemm ix-xogħol ta’ din l-organizzazzjoni huwa importanti. Chance, ingħata ċ-ċans li jgħix għal aktar sninb’saħħtu u mdawwar b’imħabba. Bil-volontiera baqgħu jaħdmu sakemm lil dan iż-żiemel fi stat ta’ abbandun u mingħajr iċ-ċans li jgħix sabulu familja barra minn xtutna.
Iżda din l-organizzazzjoni tassigura li qabel iż-żiemel imur f’familja ġdida jkun preparat għal ambjent ġdid.
“Iż-żiemel jagħmel żmien għandna sakemm jirkupra, mbagħad naraw xi tkun id-dar ideali għalih skond l-età tiegħu, x’injuries għandu u l-karattru tiegħu.”
Iżda biex tkun tista’ tagħti attenzjoni xierqa li tinkludi dik medika, is-santwarji taż-żwiemel jiddependu biss fuq id-donazzjonijiet.
“Aħna niddependu biss mid-donazzjonijiet biex inkunu nistgħu nkomplu bix-xogħol tagħna. Kull żiemel jiġi jiswina minn tal-inqas €300 fix-xahar u għalhekk ikun impossibbli li nsalvaw aktar żwiemel mingħajr l-għajnuna tan-nies.”
Iżda wieħed jista’ jgħin biss finanzjarjament?
“Għal min ma jistax jgħin finanzjarjament jista’ jiġi joffri ftit mill-ħin tiegħu biex jgħin iż-żwiemel li jkunu fil-kura tagħna.”
RMJ Horse Rescue spjegaw kif jeħtieġ li aktar nies jintebħu b’kemm hi kbira l-problema biż-żwiemel abbandunati.
“Il-fatt li m’hawnx ħafna santwarji u nies li jgħinu biex isalvaw iż-żwiemel ma jfissirx li m’hawnx żwiemel li għandhom bżonn l-għajnuna.”
Għalhekk, din l-organizzazzjoni xtaqet tagħmel appell biex tkuntista’ tkompli tagħmel aktar ġid ma’ dawn il-kreaturi li qed jitolbu l-għajnuna fis-skiet u li għandhom bżonn jemmnu li l-bniedem jista’ mhux biss jaħqarhom u jabbandunahom iżda jista’ wkoll isalvahom.
“L-appell tagħna hu biex kulħadd jagħti ftit għaliex flimkien nkunu nistgħu ngħinu aktar żwiemel. Aħna nifhmu li ħafna nies ma jistgħux jaddottaw żiemel minħabba raġunijiet finanzjarji kifukoll minħabba l-ħin involut. Iżda jekk kulħadd jagħti milli jista’, aħna nkunu nistgħu nsalvaw kemm nistgħu żwiemel abbandunati jew dawk li jkunu sejrin għall-qatla.”