Is-saħħa mentali taż-żgħażagħ kienet is-suġġett ta’ konferenza tal-aħbarjiet li saret fil-Palazz Verdala u li ġiet indirizzata mill-President ta’ Malta, George Vella, u mill-Fondazzjoni Richmond. Tħabbar li, skont stħarriġ li għamlet il-Fondazzjoni fost iż-żgħażagħ, sebgħin fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem qalu li jħossuhom anzjużi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, sostniet li minkejja n-nuqqas ta’ statistika dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ huwa ċar li tul l-aħħar sentejn aktar u aktar żgħażagħ fittxew għajnuna marbuta mas-saħħa mentali.
Skont l-istħarriġ, li fih ipparteċipaw żgħażagħ ta’ età minn tlettax sa ħamsa u għoxrin sena, tul l-aħħar sentejn id-domanda taż-żgħażagħ għas-servizzi tas-saħħa mentali żdied b’aktar minn elf fil-mija.
Din l-istatistika hija riflessa fi stħarriġ ieħor marbut mal-pandemija, li wera kif sittin fil-mija taż-żgħażagħ ta’ età bejn sittax u erbgħa u għoxrin sena ħassewhom imdejqin, u ftit aktar minn nofshom ħassewhom iżolati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond qalet li ż-żgħażagħ jista’ jkollhom diversi raġunijiet biex iħossuhom hekk fil-pandemija, fosthom ir-relazzjoni tagħhom ma’ sħabhom u mal-familja, u anke l-midja soċjali.
“Fl-istess żmien ukoll iż-żgħażagħ użaw ħafna aktar il-midja soċjali għax dik kienet forsi l-unika ħaġa li kellhom aċċess għaliha d-dar. Il-midja soċjali, għalkemm tagħmel ċertu ammont ta’ ġid, però wkoll tagħmel ċerta ħsara għaliex liż-żgħażagħ taffettwahom b’ċertu mod li jibdew jiddubitaw fihom infushom, iħossu li m’humiex tajbin biżejjed u dak ukoll iżid mal-ħsibijiet negattivi li wkoll jaffettwaw is-saħħa mentali”.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tnediet ukoll kampanja ta’ ġbir ta’ fondi, b’appell ta’ solidarjetà.
“Nixtieq ukoll nagħmel l-appell tiegħi sabiex in-nies ikomplu jgħinuna b’mod finanzjarju biex nipprovdu dawn is-servizzi professjonali li jqumu ħafna flus, però jingħataw b’xejn.”
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta, George Vella, irringrazzja lill-Fondazzjoni Richmond filwaqt li appella sabiex l-istigma marbuta mas-saħħa mentali tiġi eliminata f’kull faxxa tas-soċjetà.