Kmieni filgħodu, aktar minn mitt tifel u tifla li jgħixu fi djar tat-tfal qamu ħerqana għaliex kienu jafu li quddiemhom kellhom ġurnata mimlija attivitajiet.
Sebgħin xufier li jagħmlu parti mill-Assoċjazzjoni Maltija tat-Taxis, ħejjew vjaġġ madwar pajjiżna għal dawn it-tfal flimkien ma’ ’l fuq minn sittin carer bħala parti minn tradizzjoni li ssir ta’ kull sena.
Kien biss għal-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar li lmaħna serbut ta’ karozzi b’lewn abjad jaslu lejn lukanda rinomata f’San Ġiljan fejn hemmhekk dawn it-tfal sabu festin jistennihom.
Kellimna lil Malcolm Ciantar, l-organizzatur ta’ din l-inizjattiva li qalilna li din is-sena kien hemm ħerqa kbira għaliex matul dawn l-aħħar sentejn, minħabba l-pandemija, l-attività ma setgħetx issir.
Huwa qal, “Wara sentejn iktar u iktar kienu qed jistennewha din is-sena. Għalina saret xi ħaġa tradizzjoni tal-Milied li nagħmlu dan il-ġest. Is-sentejn li m’għamilnihx ukoll ħassejniha li speċi xi ħaġa nieqsa għalina li ma saritx. Wara li stajna nagħmluha ridna li nerġgħu nagħmluha, nibqgħu għaddejjin biha. Ma tinteressahomx mill-ġurnata tax-xogħol waqt din il-ġurnata, tinteressahom biss il-ġurnata tat-tfal.”
Malcolm ħa r-riedni f’idejh wara li l-kunjatu tiegħu Anthony Galea kiber ftit fl-età u mart Malcolm ħeġġitu sabiex ikompli din it-tradizzjoni li llum ilha kważi erbgħin sena sseħħ.
Emozzjonat, Anthony spjega kemm iħossu kburi.
Anthony stqarr, “L-ewwel sena ġbarna l-flus għall-wheelchair, imbagħad bdejna noħorġu tfal tal-istitut. Bdejtha jien u għeni ċertu wieħed Johnny Borg, illum m’għadux magħna, kien jgħinni niġbru l-flus. Kont niġbor il-flus mingħand ix-xufiera kollha jgħinuni u issa xi erba’ snin ilu, ċedejt jien u bdew jagħmluha ż-żgħażagħ xufiera bħali u nirringrazzjahom għax għamlu aħjar milli kont nagħmel jien.”
Fost sebgħin xufier kellimna lil Roderick u Johann li esprimew is-sodisfazzjon meta jieħdu sehem f’din l-inizzjattiva.
Huma qalu, “Inħossu iva, ħafna sodisfazzjon, tfal jifirħu ħafna kif toħroġhom u noħduhom jilagħbu u jduru u ħafna jieħdu pjaċir u tħossok sodisfatt fl-aħħar tal-ġurnata.”
“Wara sentejn Covid, it-tfal kienu qed jistennewha ħafna u aħna iktar minnhom għax nieħdu pjaċir daqshom noħorġuhom, noħorġu ta’ Malta kollha aħna. Illum ħa jsir party hawnhekk bir-rigali, imorru ferħanin u jkunu tfal bħat-tfal ta’ ħaddieħor.”
Għall-attività kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Malta George Vella li rringrazzja lil dawn ix-xufiera għal din l-attività u lill-carers għal xogħolhom.