Jum wara li tlestew u nfetħu t-toroq tal-proġett tal-Ajruport, tħabbar li s’issa tlesta’ 70% tax-xogħol infrastrutturali fuq il-proġett tal-Luqa junction.
L-informazzjoni ngħatat f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Infrastructure Malta,li fiha tat tagħrif tekniku rigward żewġ proġetti: il-Luqa Junction Project u l-Kirkop Tunnels & Airport Intersection Project.
Ġie spjegat li l-proġett tal-ajruport, li hu mifrux fuq tmienja u tmenin elf metru kwadru, issa fadallu biss xogħol anċillari, primarjament relatat mal-iffinalizzar tal-proġett, bħal żebgħa ta’ linji tat-traffiku, installar ta’ dwal u xogħol relatat mat-tisbiħ tal-post.
B’rabta ma’ xi dewmien li kien hemm biex tlesta dan il-proġett, il-Perit Anton Zammit spjega kif ix-xogħol infrastrutturali tlesta ħmistax biss wara d-data skedata – dik ta’ tmiem April – minħabba proposta li ressqet ’il quddiem il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
“Is-sistema l-ġdida kellha tieħu over is-sistema l-antika. Biss, il-Water Services talbuna, għall-ħabta ta’ Marzu, li jgħaqqdu ż-żewġ sistemi flimkien. Dehrilna li hija soluzzjoni vijabbli; dehrilna li aħjar issir issa milli, li kieku stess, l-ewwel nies, tintilef parti mill-infrastruttura importanti u, kieku stess, ikollha ssir snin oħra. Mela allura dehrilna li għandna nieħdu dik id-deċiżjoni, iva, u għamilnieha.”
Fil-fatt, is-sistema issa se tkun qed tilqa’ f’każ li jkun hemm ħsara biex din il-parti tal-pajjiż ma tispiċċax mingħajr ilma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta, Ivan Falzon, irrimarka li kien hemm żieda fiż-żoni li waqgħu taħt il-proġett, primarjament f’toroq li minnhom għadda t-traffiku temporanjament u li l-ħafa traffiku li għadda minnhom ħalla effetti negattivi fuqhom.
B’rabta mal-proġett tal-junction ta’ Ħal Luqa, magħruf ukoll bħala “tad-Dinitrol” u li hu mifrux fuq 33,000 metru kwardu, tħabbar li sal-aħħar ta’ Ġunju, se jkunu infetħu rotot ġodda.
“Dax-xahar, għall-aħħar ta’ Mejju, se niftħu Triq il-Kunsill tal-Ewropa, jiġifieri n-nies li ġejjin minn naħa tal-ajruport se tkun aktar faċli biex jibqgħu sejrin lejn Ħal Luqa, lejn Garibaldi. F’Ġunju se niftħu wkoll rotot ġodda li jmorru lejn Ħal Qormi u se jkollna wkoll rotot ġodda li ġejjin minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa.”
Dan filwaqt li, għal Awwissu, mistenni li tinfetaħ ukoll mina li tagħti lejn Ħal Qormi u bħalissa għaddejjin xogħlijiet b’rabta ma’ sistema ta’ stormwater għax dik iż-żona b’mod naturali tiġbor fiha ammont sostanzjali ta’ ilma taħt l-art.
Il-proġett tal-ajruport jikkonsisti f’mina ta’ erba’ karreġġjati u flyover, filwaqt li dak ta’ Ħal Luqa fih ħames karreġġjati kontinwi, mina, u flyover b’karreġġjata kull wieħed.
Dawn iż-żewġ proġetti saru b’investiment ta’ wieħed u għoxrin miljun ewro u ħdax-il miljun ewro rispettivament filwaqt li t-tnejn kienu kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea b’rabta mat-Ten-T upgrade.
Aqra Aktar