Il-park għall-familji fil-Foss ta’ Ħaż-Żabbar se jinfetaħ għall-pubbliku fi ftit ġimgħat, hekk kif aktar minn nofs dan il-proġett ta’ €600,000 issa huwa lest. Dan il-park ta’ 40 tomna se jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Parks Malta, li se tilqa’ fi ħdana widien u spazju oħra ta’ dan it-tip.
Waqt żjara fuq il-post il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli spjegat li tħawlu 800 siġra u arbuxell, numru li se jikber għal 1,300 sat-tlestija tal-proġett. Fl-istess ħin kull min iżur dan il-park se jgawdi wkoll minn bandli għat-tfal, amfi-teatru u kafetterija. Huwa wkoll aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Herman Galea spjega kif bl-interventi minimi li saru ġie mħares l-ambjent ezistenti sabiex jinħolqu żoni miftuħa iktar naturali. Huwa qal li dan il-proġett se joffri wkoll faċilitajiet għat-tfal fejn ikunu jistgħu jilagħbu.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-park se jkun fost l-akbar fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Hija stqarret: “Dan huwa l-ewwel proġett ta’ Parks Malta, u wieħed mill-akbar parks fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Se jkun park kumplimentari ta’ din iż-żona storika fejn il-familji se jkunu jistgħu jirrekkreaw ruħhom.”