Illum it-3 ta’ Mejju, fl-okkazzjoni ta’ għeluq snin il-beatu Carlo Acutis, fl-isfond tar-relikwa tiegħu fil-Knisja ta’ Gieżu fil-Belt Valletta, sebgħin familja żagħżugħa offrew lit-tarbija tagħhom lil Ġesu’ Msallab fejn kompliet tkun trasmessa id-devozzjoni lejn il-Kurċifiss Mirakoluż.
Dun Ramon Farrugia, il-Gwardjan tal-Knisja ta’ Ġieżu spjegalna kemm dawn iż-żgħażagħ jimlew lilna l-Insara bil-kuraġġ u kemm huma mera ta’ kemm illum, għalkemm jingħad li ż-żgħażagħ ma jridux jersqu lejn Alla jew li ma jinteressahomx, din iċ-ċelebrazzjoni hija xhieda liż-żgħażagħ għadhom ifittxu lil Alla u jridu lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjithom.
Ma’ ONE News, Dun Ramon Farrugia tkellem dwar is-sinifikat ewlieni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.
“Aħna llum qed infakkru is-sejba tas-salib li hija tradizzjoni Franġiskana, li bdiet fil-kumpless tal-Qabar ta’ Kristu li nxterdet madwar id-dinja kollha. Illum il-Knisja tippreżenta l-eżaltazzjoni tas-Salib, li qed isir permezz tal-preżentazzjoni tat-trabi lill-Kurċifiss Mirakoluż. Din is-sena għandna sebgħin tarbija. Huwa mument fejn il-ġenituri jiġu hawnhekk u jippreżentaw it-tarbija tagħhom lil Alla fi xbieha tal-Kurċifiss fejn ikomplu iżidu ma’ dak li wegħdu fil-magħmudija li huma se jkunu ta’ eżempju li huma se jkomplu jkabbru lill-uliedhom fil-fidi Nisranija u jkomplu jagħtuhom dawk il-valuri bl-istil tal-ħajja li jagħtuhom u jgħallmuhom permezz tal-fidi tagħna.”
Dun Ramon Farrugia – Gwardjan fil-Knisja ta’ Ġieżu
Tkellimna wkoll ma’ xi ġenituri dwar xi tfisser għalihom din l-okkazzjoni fejn ippreżentaw lil uliedhom ta’ ftit xhur lil dan il-Kurċifiss Mirakoluż.
“Nemmen li jiena reliġjuża u għandi l-fidi, lill-Kurċifiss Mirakoluż u ħassejt il-fidi li nġib lit-tifel biex nippreżentah lil Kurċifiss.”
“Wara l-magħmudija, jien u l-mama tiegħu ħassejna li għandna niġu hawnhekk, u nippreżentaw lil Ġesu’ Msallab, li tant nemmnu fih f’dan il-Kurċifiss Mirakoluż.”
“Illum ġejna biex nippreżentaw lit-trabi lil-Kurċifiss il-Belt, konna ilna ħafna nistennew ħafna mis-sena l-oħra, għalina hija ħaġa importanti quddiem il-Kurċifiss biex nippreżentaw it-trabi tagħna.”