Meta tkellem dwar il-baġit li se jitressaq għada, il-Prim Ministru sostna kif il-gvern qed jimmira li anke s-sena dieħla jerġa’ jikseb surplus. Joseph Muscat qal dan waqt attività politika f’Ħal Għaxaq meta spjega kif sezzjonijiet differenti tas-soċjetà qed igawdu minn dan is-surplus.
Bit-tema “Ġenerazzjoni li jmiss”, il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza attività politika fil-każin Laburista ta’ Ħal Għaxaq biex tenna l-għatx tal-Partit li jmexxi hu li jkompli jtejjeb il-pajjiż.
Għatx li ma spiċċax erba’ xhur ilu meta nkiseb riżultat elettorali storiku, iżda żdiet biex Gvern Laburista jkompli jwassal aktar riżultati u aktar ġid.
Lejlet il-baġit, l-ewwel wieħed ta’ din il-leġislatura, il-Prim Ministru fakkar li l-poplu mdorri b’baġits li jissikkaw iċ-ċinturin, speċjalment wieħed wara elezzjoni ġenerali.
Però wiegħed li dak t’għada huwa baġit turija ta’ pjan li jitwettaq sena wara l-oħra, skont l-ekonomija tal-pajjiż. Baġit frott ħidmet il-moviment bħala Gvern.
Fakkar li din hija l-ewwel darba kemm ilna fl-Unjoni Ewropea li l-Gvern se jagħmel baġit wara elezzjoni mingħajr ma jinsab taħt l-għassa tal-Ewropa.
Dan għaliex mhux biss il-Maltin, iżda anki l-barranin, jafdaw u jaraw li l-Partit Labursita għandu l-kredenzjali li jmexxi ’l pajjiż ’il quddiem.
Il-Prim Ministru rrefera għall-mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta staqsa fejn sejjer is-surplus. U għal din il-mistoqsija kellu erba’ tweġibiet.
Is-surplus qed iħallas id-dejn li ħalla l-Partit Nazzjonalista, qed iħallas is-servizzi li daħħal dal-Gvern, qed iħallas l-inġustizzji li sofrew persuni taħt amministrazzjonijiet preċedenti, u stieden lil dawk preżenti jistennew s’għada ħa jkomplu jaraw fejn sejjer dan l-istess surplus.
Il-Prim Ministru ħabbar li 70% tal-miżuri mħabbra fil-baġit t’għada, huma mill-manifest elettorali li l-poplu vvota għalih 4 xhur ilu.
Qal ukoll li bħalma s-sena l-oħra, għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni, kelna surplus, għal din is-sena u anki għas-sena d-dieħla, mistenni jkun irreġistrat surplus ieħor li mbagħad jitqassam għand il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
“Dan huwa l-mod li se jibqa’ jaħdem bih dan il-Gvern; b’responsabbiltà li nieħdu d-deċiżjonijiet”, qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-kontradizzjonijiet tal-Oppożizzjoni, fejn għalkemm ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-iskart, ħadet pożizzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa.
B’ton irrabjat, irrefera għal meta wara l-ġurament tal-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni li biha ma jridx li nisa infertili u koppji leżbjani jingħataw id-dritt tal-liv jekk jieħdu trattament tal-IVF barra l-pajjiż.
U hawnhekk il-Prim Ministru staqsa kif jista’ jkun wieħed jieħu deċiżjoni bħal din, deċiżjoni jekk jgħinx jew le l-persuna, abbażi l-orjentazzjoni sesswali; u ddeskriviha bħala diskriminazzjoni li għall-Partit Laburista mhijhiex aċċettabbli.