Is-Servizz Pubbliku Malti reġa’ kiseb punteġġi għolja ħafna fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dan ix-xahar.
F’dan l-istħarriġ, sebgħin fil-mija tal-Maltin qalu li huma kuntenti għall-mod kif jingħataw is-servizzi governattivi.
Dan ifisser tmintax fil-mija aktar mill-medja tal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw kemm ir-riformi ta’ tiġdid li ġew implimentati fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin qed jagħtu l-frott.
Fl-istqarrija l-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar qal li dan ir-riżultat ipoġġi lis-Servizz Pubbliku Malti fl-aħjar pożizzjoni fir-reġjun li ninsabu fih u saħansitra f’qagħda ogħla minn pajjiżi kbar bħal Franza u l-Ġermanja.
L-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija għas-Servizz Pubbliku se tkun qed tiġi analizzata matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li din is-sena se ssir bejn it-tnejn u s-sebgħa ta’ Mejju.