Aktar minn sebgħin fil-mija tas-sidien tal-bars u l-każini liċenzjati f’Malta u f’Għawdex talbu għall-informazzjoni dwar l-għajnuna li se tingħatalhom mill-Gvern ta’ żewġ miljun u mitejn elf ewro bejniethom.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fejn saħaq li din l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja ntlaqgħet b’mod tajjeb ħafna mis-sidien tal-bars u l-każini.
“L-iskema li ftaħna għall-barijiet u każini ntlaqgħet tajjeb ħafna.. Sa issa għalkemm għadhom ma nfetħux l-applikazzjonijiet kellna ‘l fuq minn sebgħin fil-mija tal-bars liċenzjati illi talbu għal informazzjoni u dan juri bis-sħiħ kemm intlaqgħet b’mod tajjeb u kemm il-Gvern qed joffri għajnuna f’ħinha u f’waqtha” saħaq il-Ministru Bartolo.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema ser jiftħu bejn l-ewwel u l-ħmistax ta’ Marzu, fejn dawn fost l-oħrajn jistgħu jsiru online jew fl-uffiċini tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Fl-aħħar jum tas-sena li għaddiet il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li l-Gvern se jalloka miljun ewro għas-sidien tal-bars u l-każini f’għajnuna, riżultat tal-impatt li ħalliet il-pandemija fuq dawn l-istabbilimenti li jinsabu magħluqa minħabba l-imxija.
F’konferenza tal-aħbarijiet fis-27 ta’ Jannar li għadda, Dr. Abela kien ħabbar ukoll li fid-dawl tal-miżuri li ttieħdu għal Frar ġie deċiż li l-għajnuna finanzjarja għall-bars u l-każini ser tiżdied b’aktar mid-doppju.
Intant ix-xahar li għadda, il-Gvern kien qal li qed jikkonsulta mal-awtoritajiet tas-saħħa u l-partijiet involuti sabiex it-tieni rawnd tal-vouchers tal-€100 joħorġu meta minnhom nistgħu nieħdu l-aqwa benefiċċju.
Il-Gvern kien qal li huwa tal-fehma li l-vouchers tal-mitt ewro għandhom jinħarġu wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
Dan anke meta jkun possibbli li l-bars u l-każini jistgħu jiftħu wkoll, biex anke huma jkunu jistgħu jgawdu minn din l-inizjattiva fiskali intiża biex iddawwar ir-rota għal kulħadd.