Il-livelli ta’ attività fiżika tat-tfal Maltin huma baxxi ħafna, u studji riċenti wrew li 24% biss tat-tfal Maltin ta’ ħdax-il sena jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO għal mill-inqas siegħa ta’ attività fiżika minn moderata u vigoruża kuljum. Għalhekk, hemm bżonn urġenti li jiżdiedu l-livelli ta’ attività fiżika tat-tfal, u l-iskejjel huma l-post ideali għal inizjattivi ġodda li jikkultivaw stil ta’ ħajja attiva.
L-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u l-iSport (IPES), b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni (MEYR), u SportMalta nedew il-proġett SkaRF – Skip a Rope for Fitness.
Dan huwa studju sperimentali li sar fl-iskola Primarja San Ġwann, u tmexxa mid-Direttur tal-Istitut, u Chairperson ta’ SportMalta, il-Professur Andrew Decelis. L-għan ta’ dan l-istudju kien li jgħallem il-qbiż tal-ħabel lill-istudenti tar-raba’ sena primarja, filwaqt li jtejbu l-ħiliet fundamentali tal-moviment tagħhom, iżidu l-livell ta’ fitness u attività fiżika tagħhom, u jnaqqsu l-ħin sedentarju.
L-istudenti kollha tar-raba’ sena li jattendu l-iskola Primarja ta’ San Ġwann (70) ipparteċipaw f’dan il-proġett, żewġ klassijiet bħala grupp sperimentali, u żewġ klassijiet bħala grupp ta’ kontroll. L-istudenti fil-grupp sperimentali ngħataw ħabel tal-qbiż kull wieħed, u attendew sessjonijiet ta’ qbiż tal-ħabel ta’ madwar 15-il minuta kuljum għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat.
Matul dan il-perjodu, l-istudenti kienu mħeġġa wkoll jaqbżu l-ħabel waqt il-brejk tal-iskola f’żona speċifikament assenjata fil-bitħa, u wkoll biex jipprattikaw barra l-ħin tal-iskola.
Kemm l-istudenti fil-grupp sperimentali kif ukoll il-grupp ta’ kontroll (li ma ngħatawx ħabel tal-qbiż matul din il-fażi iżda li se jkunu qed jipparteċipaw fit-tieni fażi f’Ottubru), ġew ittestjati għall-kapaċità tagħhom tal-qbiż tal-ħabel, tal-ħiliet motorji fundamentali tagħhom (aġilità, koordinazzjoni, veloċità), il-livelli ta’ fitness (stamina, kompożizzjoni tal-ġisem, saħħa muskolari), il-livelli ta’ attività fiżika u ħin sedentarju (l-istudenti libsu aċċelerometru għal ħamest ijiem), kemm qabel kif ukoll wara l-intervent ta’ erba’ ġimgħat.
Ir-riżultati tat-testijiet kollha ta’ qabel u ta’ wara l-intervent għaż-żewġ gruppi se jiġu analizzati fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-mexxej tal-proġett, il-Professur Decelis, qal li “L-analiżi inizjali tar-riżultati wriet li l-istudenti kollha li pparteċipaw fil-programm tejbu l-kapaċità tagħhom li jaqbżu l-ħabel u l-ħiliet fundamentali tagħhom, u kkonferma li intervent sempliċi ta’ erba’ ġimgħat jista’ jtejjeb il-kompetenza u fiduċja fit-tfal biex ikunu attivi għall-ħajjithom kollha”.
Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati inizjali, il-Professur Decelis qed jirrakkomanda li kull student fl-iskejjel Primarji jkollu ħabel tal-qbiż fil-basket tiegħu minbarra l-kotba, u li tiġi allokata żona għall-qbiż f’kull bitħa tal-iskola waqt il-breaks.
Huwa rringrazzja lill-Kap tal-Iskola, is-Sur David Caruana, għall-appoġġ u l-interess tiegħu f’dan l-istudju, l-assistent tar-riċerka, is-Sur Alec Felice Pace, lil Ian Felice Pace għad-disinn tal-logo, lill-għalliem tal-PE tal-iskola, is-Sur Michael Scerri, u l-għalliema tal-klassi Ms. Jessica u Ms. Erika, u l- Learning Support Educators, li kollha kienu ħerqana ħafna li jaraw lill-istudenti tagħhom itejbu l-ħiliet fundamentali tagħhom. Irringrazzja wkoll lis-Sur Marvin Spiteri u lill-Ministru Onor. Dr. Grima talli appoġġjaw din l-inizjattiva sa mill-bidu tagħha. Dan il- proġett kien iffinanzjat mill-Fond għar-riċerka SEED tal-Universita` ta’ Malta.
Riżorsi għall-għalliema u għall-ġenituri, inklużi filmati li juru progressjonijiet għat-tagħlim tal-qbiż tal-ħabel qed jitħejjew u se jiġu mnedija fix-xhur li ġejjin. Wara s-suċċess ta’ dan l-istudju sperimentali fuq skala żgħira, il-proġett SkaRF għandu jiġi estiż għall-iskola kollha u fi skejjel oħra. L-għan ewlieni tal-proġett SkaRF huwa li fis-snin li ġejjin it-tfal kollha Maltin ikunu kapaċi jaqbżu l-ħabel b’kunfidenza sa tmiem l-edukazzjoni Primarja.