Hekk kif fl-10 ta’ Diċembru proprju taħbat il-ġurnata internazzjonali tad-drittijiet umani, il-gvern Malti, flimkien mal-istituzzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet umani u s-soċjetà ċivili, ser jiċċelebraw is-70 anniverarju tal-addozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani.
Progress sinifikanti ġie miksub is-sena l-oħra wara li ġiet approvata l-liġi li b’mod effettiv tikkrimina prattiċi ta’ konverżjonijiet ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru. Apparti dawn, numru ta’ liġijiet oħra li wieħed għandu jsemmi huma l-approvazzjoni tal-liġi tal-koabitazzjoni kif ukoll, l-introduzzjoni ta’ żwieġ ugwali għal kulħadd.
Bħalissa qegħdin fi stadju fejn b’adozzjoni ta’ liġi, nistgħu nimmodernizzaw il-mod kif każijiet ta’ vjolenza domestika jiġu tratatti permezz tal-konvenzjoni ta’ Istanbul.
Il-Gvern Malti nieda numru ta’ servizzi li diġa’ qegħdin jaħdmu viċin xulxin sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz bi proviżjonijiet legali ġodda. Strateġija nazzjonali għall-integrazzjoni tal-immigranti għandha titnieda din il-ġimgħa flimkien ma’ numru ta’ proviżjonijiet oħra li jiżguraw li immigranti jkunu individwi attivi fis-soċjetà.
Bħalissa l-gvern qed jiffinalizza l-liġijiet tal-ugwaljanza u tad-drittijiet umani li ser jistabbilixxu istituzzjoni indipendenti tad-drittijiet umani li jimxi id f’id mal-Prinċipji ta’ Pariġi u ser jaqa’ taħt l-awtorità tal-Parlament.