Sebgħa minn kull għaxar persuni f’pajjiżna jużaw il-pjattaforma finanzjarja, Revolut.
Irrapportat dan il-gazzetta The Times, hekk kif intervistat lill-uffiċjal tal-kumpanija responsabbli mit-tkabbir fin-nofsinhar tal-Ewropa.
Fil-fatt, Ignacia Zunzunegui Gòmez-Gil spjegat li l-persuni li jużaw Revolut f’pajjiżna żdiedu bi 23% is-sena li għaddiet, għal total ta’ 300,000 persuna.
Dan huwa ekwivalenti għal 68% tal-popolazzjoni adulta f’Malta, skont il-figuri fl-aħħar ċensiment li sar.
L-uffiċjal tal-kumpanija qalet li dawn iċ-ċifri jikklassifikaw lil pajjiżna mal-aqwa ħamest swieq li hija nvoluta fihom Revolut.
Saħansitra sa issa din is-sena kien hemm żieda oħra ta’ 7% fil-persuni li jużaw din il-pjattaforma.
F’terminu ta’ depożiti f’pajjiżna fuq din il-pjattaforma, is-sena li għaddiet dawn żdiedu b’40% u l-utenti tagħha nefqu flushom primarjament f’pajjiżna.
Min-naħa l-oħra, it-transazzjonijiet internazzjonali naqsu minn 24% għal 19%.
Il-pjattaforma Revolut tnediet fir-Renju Unit fl-2015 u sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena attirat lejha mal-45 miljun klijent filwaqt li espandiet lejn 38 pajjiż. Dan skont ir-rapport annwali tagħha għas-sena l-oħra.
Revolut irnexxielha anki tikseb liċenzja biex topera bħala Bank fir-Renju Unit, wara aktar minn tliet snin ta’ diskussjonijiet ma’ regolaturi, fl-istess ħin li tespandi fis-suq domestiku. B’din il-liċenzja issa l-kumpanija tista’ twessa’ u tipprovdi numru ta’ prodotti u servizz ġodda.